Monte Karmeli għandu jagħlaq – Fondazzjoni Richmond

Il-Fondazzjoni Richmond qablet maċ-Chairman Klinikali tal-Psikjatrija Dr Anton Grech u mal-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta u qalet li l-Isptar Monte Karmeli mhuwiex addattat biex jagħti t-trattament lill-pazjenti, u ilu f’din il-qagħda għal xi snin. Qalet li temmen li Monte Karmeli għandu jagħlaq għall-kundizzjonijiet psikjatriċi kollha.

Aqra: Filmat: Partijiet perikolużi f’Monte Karmeli evakwati

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li kienet qiegħda ssegwi l-kwistjonijiet li nqalgħu dwar l-Isptar mill-qrib, u qalet li sakemm ma persuna jkollhiex bżonn kura psikjatrika minima, m’għandhiex tiġi ttrattata fl-isptar, imma għandha tingħata s-sapport mill-komunità. Żiedet tgħid li persuna għandha tiddaħħal l-isptar biss meta tkun f’qagħda ħażina, u għandha tiddaħħal fl-Isptar Mater Dei.

Aqra: Monte Karmeli: “Pazjenti jinħaslu quddiem xulxin bil-kiesaħ fix-xitwa”

Il-Fondazzjoni stqarret li minkejja li l-kura mogħtija mill-Isptar taf tkun tajba, il-bini mhuwiex xieraq għall-irkupru tal-pazjenti. Fil-fatt, fix-xhur li għaddew, diversi swali ġew evakwati sabiex isirilhom xogħol ta’ manutenzjoni. L-eks COO tal-Isptar, Paul Dalli, stqarr li kienet sitwazzjoni “diżastruża” dik ġol-isptar, fejn kien ikun hemm madum imxaqqaq u perikoluż, u li pereżempju, kien hemm xitwa sħiħa meta ma kienx hemm misħun. Il-Fondazzjoni Richmond qalet li ħadd, tkun xi tkun il-marda tiegħu, m’għandu jiġi iżolat mill-isptar ċentrali. Hija insistiet li l-binja għandha titranġa kompletament, sabiex titneħħa l-istigma li tassoċjaha mal-intervenzjonijiet primittivi ta’ Villa Fraconi.

Żiedet tgħid li dawn l-aspetti kienu inklużi fl-istrateġija preliminari tas-saħħa mentali maħruġa f’Diċembru li għadda, li għandhom ikunu ċentrali fid-dokument finali tal-Istrateġija għas-Saħħa Mentali. Il-Fondazzjoni qiegħda tistenna l-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument bi ħġarha.

Aqra: Monte Karmeli: Jiddaħħlu 70 ħaddiem f’6 xhur; “kont nitlob lill-Ministeru jirreferi n-nies”

Barra minn hekk, il-Fondazzjoni qiegħda titlob ukoll li jiġu introdotti Servizzi Psikjatriċi ta’ Emerġenza jew Intervenzjoni fi Kriżi, servizzi għall-iżvilupp taż-żgħażagħ, pjan ċar għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ servizzi komunitarji oħra, il-bini ta’ faċilità psikjatrika oħra f’Mater Dei, u li l-Isptar Monte Karmeli jingħalaq għall-kundizzjonijiet psikjatriċi kollha.