Monte Karmeli: Jirrifjutaw li jippubblikaw ir-rapport tal-OHSA

Il-Ministeru għas-Saħħa rriffjuta li jippubblika r-rapport tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA dwar l-Isptar Monte Karmeli.
Kelliem għall-Ministru għas-Saħħa kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-OHSA għamlet risk assessment dwar il-ħsarat li seħħew fl-isptar Monte Karmeli iżda minkejja li ġie mitlub minn Newsbook.com.mt dan baqa' ma ngħatax.
Il-Kelliem spjega li Uffiċjali tal-OHSA, flimkien ma’ periti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għamlu spezzjonijiet fuq il-postijiet fejn kienu rappurtati ħsarat. 
Fisser li saret ukoll evalwazzjoni mill-uffiċjali tal-OHSA dwar is-sigurtà tal-pazjenti u l-ħaddiema f’dawn il-postijiet konċernati u għalhekk tħejja r-risk assessment flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet meħtieġa.
Jidher ukoll li l-inħawi fejn kien hemm indikat xi periklu, ġew evakwati u magħluqa. Sadanittant beda jsir xogħol ta’ tisbieħ u manutenzjoni f’numru ta’ swali fl-isptar.
F’Novembru li għadda, id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri staqsa lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jippubblika r-rapport tal-OHSA u x’azzjonijiet qed tieħu din l-Awtorità biex tassigura s-saħħa u s-sigurtà fl-isptar.
Minflok ippubblika r-rapport, il-Ministru Chris Fearne talab lid-deputat tal-Oppożizzjoni biex jispeċifika l-mistoqsija mingħajr ma ta l-ebda informazzjoni.
Sadanittant, l-isptar Monte Karmeli għadu mingħajr uffiċjal prinċipali għas-Saħħa u s-Sigurtà. Kelliem għall-Ministru Fearne qal ma’ Newsbook.com.mt li s-sejħa għal dan il-prinċipal ħarġet fil-15 ta’ Diċembru u qed tiġi pproċessata.
F’Novembru li għadda, pazjenti fl-isptar Monte Karmeli ġew rilokati wara li żviluppaw ħsarat strutturali.