Monte Karmeli: Jiddaħħlu 70 ħaddiem f’6 xhur; “kont nitlob lill-Ministeru jirreferi n-nies”

Paul Dalli, l-eks Chief Operations Officer (COO) tal-Isptar Monte Karmeli, qal li ma jafx bl-amment kemm iddaħħlu jaħdmu nies fl-isptar biex dan jitranġa, bejn l-2016 u l-2018. Dan qalu meta fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) ġie diskuss ir-rapport tal-awditur, li jirrimarka li fi żmien l-elezzjoni ġenerali tal-2017, l-għadd ta’ ħaddiema żdied b’mod sinifikanti. Huwa stqarr li n-nies biex jiġu impjegati kienu jiġu riferuti mill-Ministeru.

Monte Karmeli: “Pazjenti jinħaslu quddiem xulxin bil-kiesaħ fix-xitwa”

Nhar l-Erbgħa, Paul Dalli, tkellem mal-Kumitat Parlamentari mmexxi mill-Membru Parlamentari Beppe Fenech Adami dwar il-kuntratt tas-servizzi klerikali ġejjin minn barra (outsourced clerical services) mal-kuntrattur JF Services, li sar rapport dwaru mill-awditur. Dalli okkupa din il-kariga bejn tmiem l-2016 u Jannar tal-2018. Skont ir-rapport, l-NAO kienet infurmata li l-immaniġġjar ta’ dan il-kuntratt kienet taqa’ taħt Dalli stess, iżda Dalli stqarr li hu ma kienx responsabbli tal-kuntratt imma biss kien jagħmel użu minnu. Qal li kien jaf li seta’ jimpjega nies permezz tal-kuntratt.

Filmat: Partijiet perikolużi f’Monte Karmeli evakwati

Ir-rapport jgħid li l-aktar sigħat ta’ ingaġġ ta’ dawk ġejjin minn barra (outsourced) kienu f’Mejju u Ġunju tal-2017 sabiex ikopru nuqqas ta’ ħaddiema fl-isptar dak iż-żmien. Dan kien il-perjodu tal-kampanja u l-elezzjoni elettorali, fakkar Beppe Fenech Adami. Dalli insista li ma kien hemm ebda korrelazzjoni bejn l-elezzjoni u l-kuntratt, għaliex qal li “ma konniex nafu li kienet se ssir elezzjoni,” u qal li l-ingaġġ sar qabel.  Meta mistoqsi mill-NAO kif ġew ingaġġati daqshekk nies f’dan iż-żmien, Dalli qal li din hi biss kumbinazzjoni peress li l-proċess ikun ilu għaddej sitt xhur. Fenech Adami fakkru li l-Parlament xolja fl-1 ta’ Mejju tal-2017.

“Ma nafx bl-amment kemm iddaħħlu nies”

Dalli qal li ma jafx bl-amment kemm daħħal nies, iżda daħħal kemm kien hemm bżonn skont l-esiġenzi tal-isptar. Minkejja li l-Membru Parlamentari Chris Said ta l-istatistika eżatta ta’ kemm iddaħħlu nies, minn 70 ħaddiem f’Jannar l-isptar żdied għal 160 ħaddiem f’Ġunju, Dalli baqa’ jinsisti li ma kienx jaf l-ammont eżatt. Fenech Adami qal li r-rapport tal-NAO jgħid li ġew impjegati 156 persuna, iżda beda bl-intenzjoni li jiġu impjegati 60. Dalli qal li ma qagħadx jikkalkula kemm daħħal ħaddiema mal-kuntrattur, iżda qal li qatt ma ġab l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa jew tas-Segretarjat Parlamentari.

“Il-Gvern iħaddem lil ta’ ġewwa; lill-pazjenti ta’ Monte Karmeli jħallihom ibatu” – PN

Ġie diskuss ukoll il-fatt li qatt ma kien hemm diskussjoni dwar il-ħaddiema bejn is-COO u d-Dipartiment tar-Riżorsi Umani dwar il-Capacity Building. Fenech Adami kkummenta li “mhix sitwazzjoni feliċi li jimxu b’mod parallel, ma jikkonverġu mkien”. Fir-rapport jingħad li sar eżerċizzju ta’ Capacity Building li ma identifikax li kien hemm bżonn ta’ impjegati klerikali. Dalli qal ukoll li ħafna mis-segretarji li ddaħħlu jaħdmu fi żmienu ma wettqux ix-xogħol li kellhom jagħmlu oriġinarjament, imma ddaħħlu fis-swali minflok, peress li fi żmienu daħħal segretarja f’kull sala sabiex tara dak li jkun hemm bżonn. Qal ukoll li infermiera qatt ma hemm biżżejjed peress li ħafna pazjenti jkollhom bżonn infermiera magħhom il-ħin kollu.

“Kont nistaqsi lill-Ministeru biex jirreferi lin-nies”

Ir-rapport jgħid ukoll li l-ingaġġ ma sarx bil-prassi tas-soltu, u Dalli ntalab jispjega min kien li ingaġġahom u kif. Dalli qal li ma kinux jgħaddu mill-kuntrattur imma kien jistaqsi lill-Ministeru immexxi mill-Ministru Chris Fearne biex jirreferi n-nies. Spjega li kien ikun konxju huma fiex kienu kapaċi u fejn xtaqu jaħdmu. Insista li s-sitwazzjoni fl-isptar kienet waħda urġenti, allura ma setax idum wisq biex jimpjega n-nies. Barra mill-Ministeru, qal li anke suġġerimenti ta’ nies oħrajn kien jieħu għal impjegati.

L-għajbien tad-dokumenti ta’ dawk impjegati

Lill-awditur, Dalli rreferih għad-dokumenti ta’ dawk in-nies li kien jintervista sabiex jimpjega, li skontu kienu miżmuma fl-uffiċċju li kellu fl-isptar stess. Meta l-awditur mar ifittixhom, dawn id-dokumenti ma sabhomx. Dalli spjega li r-raġuni għal dan taf tkun li kien hemm dipartiment ieħor li kien okkupa dak li kien l-uffiċċju tiegħu peress li l-uffiċċju tad-dipartiment kien f’qagħda infrastrutturali kritika. Dalli kkonkluda li issa jaf qegħdin hemm u jaf le.

Minn fejn kienu l-ħaddiema ingaġġati?

Dalli ġie mistoqsi minn fejn kienu l-ħaddiema impjegati, u qal li jiftakar lil uħud mill-Belt Valletta, minn Birkirkara u minn Għawdex. Huwa rrefera lill-Kumitat għall-JF sabiex isib il-lista kompleta tal-lokalitajiet tal-ħaddiema impjegati.