Monte Karmeli: “Iż-żona tat-titjip trid tiċċaqlaq mis-salott; hemm min ma jpejjipx”

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia jisħaq li r-rilokazzjoni taż-żona ta’ tipjip fl-Isptar Monte Karmeli trid tiġi rikolata immedjatament minħabba li din tintuża wkoll bħala kamra tas-salott u dawk li ma jpejpux qegħdin jużaw din il-kamra biex jaraw it-televixin.
Jisħaq li dan huwa ”inaċċettabli” minħabba l-effetti fuq min ma jpejjipx.
Il-Kummissarju jgħid ukoll li teżisti diskriminazzjoni bejn pazjenti fi swali differenti fl-Isptar Monte Karmeli. Qal li “dan mhux ġust” u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm kura diċenti li tasal għand kull pazjent.
Jeħtieġ reviżjoni tal-politika għas-saħħa mentali
L-uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li f’Malta jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-politika għas-saħħa mentali bi strateġija u pjan ta’ azzjoni li jirriflettu l-prinċipji tal-Att dwar is-Saħħa Mentali.
Il-Kummissarju jgħid li minn stħarriġ li sar dwar l-għarfien dwar is-saħħa jidher li hemm nuqqas ta’ promozzjoni u prevenzjoni dwar is-saħħa mentali.
Jgħid li s-saħħa mentali għandha bżonn tiddaħħal f’diversi oqsma tal-ħajja filwaqt li l-pedament tal-kura għandu jkun ibbażat fil-komunità fejn is-servizzi tal-kura primarja u t-tabib tal-familja jkollhom faċilitajiet speċjalizzati u ta' rijabilitazzjoni fil-komunità.
Għandhom jiżdiedu s-servizzi għat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ
Is-servizzi ta’ kura għat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ bi problemi psikjatriċi għandhom isegwu liż-żgħażagħ aktar mis-sena statutorja ta’ 18-il sena, possibilment anke sa 25 sena.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jisħaq li b’dan il-mod, it-tranżizzjoni għas-servizzi tal-adulti ssir b’mod gradwali u tassigura li ż-żgħażagħ ikunu ppreparati.
Jgħid li dan is-servizz jingħata b’suċċess f’Dar Kenn għal Saħħtek għall-persuni bi problemi tal-ikel bħall-anoressija u l-bulimja u għalhekk il-Kummissarju jisħaq li “bħala pajjiż għandna ninvestu f’żewġ programmi robusti”.
Dawn iż-żewġ programm huma, is-Servizz għall-Early Intervention in Psychosis li huwa mard mentali gravi u servizz immirat għall-individwi li jaslu biex iweġġgħu lilhom infushom. 
Il-ħidma ta’ dan l-uffiċċju tiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rwol tiegħu li jidher fl-Att dwar is-Saħħa Mentali li hu primarjament il-monitoraġġ u l-awtorità regolatorja responsabbli għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta’ persuni b’mard mentali.
Fl-istess rapport, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li d-dedikazzjoni tal-infermiera, ma tistax ipattu għan-nuqqas ta' investiment fl-ambjent fiżiku tal-faċilitajiet ta’ kura.
Ritratt: Arkivji