Monte Karmeli: Il-PD jissuġġerixxi x’għandu jsir

Il-Partit Demokratiku (PD) ħareġ lista ta’ azzjonijiet li jista’ jieħu l-Gvern sabiex isolvi l-problemi fl-Isptar Monte Karmeli li ħarġu mir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).

Ir-rapport tal-NAO jgħid li s‑saħħa mentali f’Malta, qed tingħata prijorità sekondarja. Fost in-nuqqasijiet ir-rapport isemmi nuqqas kbir fir-riżorsi umani, ċerta tensjoni fir-relazzjonijiet bejn it-tmexxija u l-impjegati tal-isptar, arranġamenti tas‑sigurtà ġewwa l-isptar mhumiex adegwati, u li strateġija nazzjonali komprensiva għas‑saħħa mentali għadha ma ġietx implimentata.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku talab sabiex il-Ministeri jingħaqdu flimkien ħalli tinstab soluzzjoni.

Xi jgħidu l-proposti tal-PD?

  1. Unit tal-Forensika: Isostni li għandha titmexxa għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jsiru linji gwida standard li l-Maġistrati u l-ġurija jikkonformaw magħhom.
  2. Il-ward tal-vizzju tad-droga: Isemmi li r-rapport tal-Kummissarju tal-Pulizija tal-2016 għandu jiġi implimentat immedjatament.
  3. Il-ward tal-ġerjatrika: Irrimarkaw li l-pazjenti mhux talli ħaqqhom żona separata li tikkonforma mal-istandards ta’ residenzi.
  4. Is-saħħa tal-Adoloxxenti: Jitlob għas-segregazzjoni tal-kura u mmaniġġjar aħjar tal-kura tal-pazjenti. Jgħidu li l-ward tal-minorenni għandha tingħalaq.
  5. Jinsisti li s-sistema tal-kura mentali għandha tinbidel għal waħda li tissielet għal riabilitazzjoni sabiex il-pazjenti jintegraw fis-sapport tal-komunità.
  6. Jirrimarka li l-Isptar Monte Karmeli għandu jmexxi l-operat tiegħu bħall-isptar għall-kura mentali ppjanat f’Tal-Qroqq.
  7. Isemmi strateġija olistika li tagħti sapport għal taħriġ kontinwu.

Il-PN jgħid tiegħu

Skont stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista, mir-rapport tal-NAO jidher li l-Gvern m’għandux pjan għas-settur tas-saħħa.

Il-PN qal li l-Ministru Fearne stqarr li t-tir tal-Gvern għall-Isptar Monte Karmeli hu li jitjieb sal-2023, jiġifieri wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Partit Nazzjonalista wera l-fehma li l-Isptar Monte Karmeli ntuża mill-Gvern biex “jaqdi lil tal-qalba,” billi ħatar CEOs mhux esperjenzati fil-qasam tas-saħħa mentali, b’esperjenza bħala Sindki Laburisti biss.