“Monte Karmeli hu 10% biss tas-servizzi tas-saħħa mentali”

Iċ-Chairman tal-Psikjatrija fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Dr Anton Grech saħaq li l-Isptar Monte Karmeli joffri biss 10% tas-servizzi disponibbli dwar is-saħħa mentali.

Żied jgħid li s-servizz li jingħata fl-Isptar huwa tajjeb u mhux ħażin bħall-qagħda tal-bini. Stqarr li sfortunatament hemm l-istigma li kull min ifittex l-għajnuna jispiċċa f’dan l-isptar. Saħaq li Monte Karmeli mhux biss is-saqaf u l-ħitan imma wkoll is-servizzi.

Dr Grech kien qed jindirizza lill-midja fil-jiem li għaddew, meta saret il-Konferenza Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija dwar il-prevenzjoni tas-suwiċdju u tal-imġiba ta’ persuni milli tagħmel ħsara lilha nnifisha.

Anton Grech qal ukoll li l-aqwa mod kif jista’ jiġi evitat suwiċidju hu permezz ta’ kampanji kbar. Semma studju li sar minn Gotland li juri li r-rata ta’ dipressjoni naqset meta kien hemm kampanja kbira.  Enfasizza li hemm bżonn adattament ta’ kampanja aggressiva fuq il-mezzi soċjali.

Waqt l-istess konferenza mal-midja, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachiarrakkonta kif minn telefonata li rċieva mingħand omm, irriżulta li kienet l-istigma li wasslet lil binha jmut b’suwiċidju.

Aqra: Omm tirrakkonta kif l-istigma wasslet lil binha jmut b’suwiċidju

Fakkar f’dak li riċentament talbu grupp ta’ żgħażagħ biex tieqaf l-istigma dwar li wieħed jitkellem fuq is-suwiċidji.

Aqra: Irridu nitkellmu dwar is-saħħa mentali b’mod trasparenti – żagħżugħ

Minn naħa tagħha, Daniela Calleja Bitar, Chief Operations Officer tal-Fondazzjoni Richmond semmiet li tifel ta’ ħames snin staqsa lil missieru għaliex ikun hemm min joqtol lilu nnifsu, bil-missier iwieġbu li ma jafx. Il-missier qalilha li wara rrifletta fuq dak li kien għadu kif staqsieh ibnu u rrealizza l-bżonn li t-tfal jiġu mgħallma dwar is-saħħa mentali tagħhom.

Jekk tħossok imdejjaq, anzjuż jew għandek xi problema oħra u tixtieq tfittex l-għajnuna, ikkuntattja lil dawn: Kellimni.comAġenzija SapportSedqaOASI Foundation, l-Assoċjazzjoni Maltija għas-Saħħa Mentali, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Infermiera Psikjatriċi, u Richmond Foundation.