“Monstrożità” f’San Lawrenz: Iressaq protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità tal-Ippjanar

L-Avukat Alfred Grech ressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti t’Għawdex kontra l-Awtorità tal-Ippjanar, il-membri tal-Kummissjoni tal-Ippjanar li toħroġ il-permessi tal-iżvilupp, u l-perit u l-applikant ta’ dik li hu qed isejħilha “monstrożità” proposta f’San Lawrenz.

Dr Grech qed isejjaħ il-blokk ta’ 15-il appartament u garaxxijiet “ghetto ta’ ffullar u tgeġwiġija u konġestjoni ta’ żvilupp f’żona ristretta limitata.” Skontu, din il-binja tikser Policy P1 minħabba li f’din it-triq m’hemm ebda blokk ta’ appartamenti.

Ir-residenti ta’ Triq il-Wileġ f’San Lawrenz u ż-żona tal-madwar qegħdin joġġezzjonaw mal-Awtorità tal-Ippjanar fuq permess ġdid għall-bini ta’ 5 sulari appartamenti. Il-permess (PA/10050/18) ingħata f’isem Mark Agius permezz tal-Perit Emmanuel Vella, għall-bini ta’ 15-il appartament, imqassma f’5 sulari.

Skont Dr Grech, dan l-iżvilupp hu maħsub “biex iħaxxen il-bwiet tal-iżviluppaturi.” Huwa insista li f’din il-lokalità diġà hemm kwantità kbira ta’ djar vojta u diżabitati, allura dan l-iżvilupp mhuwiex meħtieġ.

Huwa qal ukoll li din il-binja diġà qiegħda tiġi reklamata fuq siti ta’ propjetà, u saħansitra kien hemm min ħa lil xi nies biex jarawha, meta għadha ma teżistix, anke meta l-perjodu ta’ rappreżentazzjonijiet kien għadu m’għalaqx u kien hemm dubju jekk is-sit hux se jiġi akkwistat mill-applikant.

Dr Grech għarraf lil dawk li qed iressaq il-protest kontrihom li hu qed iżommhom responsabbli personalment għall-ħsara u għal kull dannu li jista’ jinqala’ minn dan l-iżvilupp.