Monsoon Accessorize tfittex kirjiet orħos

Monsoon Accessorize qed jitlob lis-sidien tal-proprjetajiet li mingħandhom jikru l-madwar 258 ħanut madwar id-dinja biex jirrevedu ‘l isfel il-prezz tal-kirjiet. Dan bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar tal-kumpanija li għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji sostanzjali.

Iż-żewġ ktajjen, li joperaw taħt ismijiet separati qed ifittxu li jinnegozjaw mill-ġdid fuq madwar 135 ħanut. Il-kumpanija qed toffri lis-sidien madwar 10 miljuni jekk terġa’ lura għall-profitt fis-snin li ġejjin.

S’issa l-kumpanija mhux mistennija tkeċċi ebda mill-4,400 impjegat.  Il-kumpanija kisbet ukoll 30 miljun sterlina f’self biex tkompli bil-pjan ta’ ristrutturar. Il-bejgħ tagħha naqas għall-aħħar sentejn u għalkemm ma kellha ebda dejn estern, it-tnaqqis fil-bejgħ ħalla impatt sostanzjali fuq il-likwidità tal-kumpanija. Skont il-kumpanija, il-bejgħ kien affettwat minn żieda fl-ispejjeż, kompetizzjoni akbar u tnaqqis fin-nefqa tal-konsumaturi.

Monsoon Accessorize, tilfet 10.5 miljun sterlina qabel it-taxxa fl-2017, minkejja li kellha bejgħ ta’ kważi 424 miljun. Il-kumpanija għandha l-kwartieri tagħha f’Londra u għandha ħwienet f’aktar minn 170 pajjiż madwar id-dinja.

Il-kumpanija qed tkun megħjuna f’dan il-proċess ta’ ristrutturar mid-ditta tal-awditjar Deloitte.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.