Monsinjur Malti involut fit-tmexxija ta’ diskussjonijiet bejn il-Vatikan u l-Vjetnam

Read in English.

Il-Monsinjur Antoine Camilleri li fl-2013 inħatar Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati se jkun qed imexxi d-delegazzjoni tas-Santa Sede waqt diskussjonijiet bejn il-Vatikan u l-Vjetnam.

Il-media tal-Vatikan spjegat li bejn illum u għada se jkunu għaddejjin diskussjonijiet fil-Vatikan sabiex jiġu żviluppati u mtejba r-relazzjonijiet bilaterali, b’foka partikolari fuq il-ħajja ekleżjastika fil-Vjetnam. Se jkunu qed jiddiskutu wkoll l-istatus tal-pajjiż u l-missjoni tar-Rappreżentant tal-Papa fil-pajjiż flimkien maż-żjara tal-Kardinal Segretarju tal-Istat Pietro Parolin li mistennija ssir fiż-żmien li ġej.

Aqra: Saċerdot Malti jinħatar Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati

Flimkien ma’ Mons. Camilleri se jkun hemm id-Deputat Ministru għall-Affarijiet barranin To Anh Dung li se jmexxi d-delegazzjoni Vjetnamiża.

Fl-irwol tiegħu, Mons. Camilleri jgħin u jieħu post kif meħtieġ is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati fir-rwol tiegħu bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Santa Sede. Il-ħidma tinvolvi r-relazzjonijiet kollha tas-Santa Sede mal-komunità internazzjonali u l-gvernijiet ċivili kif ukoll il-promozzjoni tal-ġid tal-Knisja u s-soċjetà madwar id-dinja. Dan isir permezz tal-kuntatti diplomatiċi kif ukoll ftehim bejn il-pajjiżi u l-Vatikan.

Monsinjur Antoine Camilleri huwa mill-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema u għandu 54 sena.