“Li niftħu djarna u pajjiżna għal ħaddieħor ma jfissirx ninsew minn fejn ġejna”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li meta l-Maltin jiftħu qalbhom, moħħhom, darhom u pajjiżhom għal ħaddieħor li ġej minn kultura differenti li ma jfissirx li qed jinsew minn fejn ġejjin jew min huma.

Mons. Scicluna qal dan waqt l-omelija lejlet il-festa tat-twelid tal-verġni Marija fil-Mellieħa.  Huwa qal li l-poplu Malti dejjem, b’mod speċjali wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 u fit-tieni gwerra dinjija fl-1943 , minn dejjem għaqqad din il-festa ma’ sinjal ċar li għalkemm il-Mulej fl-istorja, dejjem kien Alla magħna, mhux Alla mbiegħed.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li Papa Franġisku laqa’ t-talba tal-isqfijiet Maltin biex il-Festa tal-Vittorja b’pajjiżna tibda tkun ċelebrata baħal solennita’.

Huwa qal li l-Maltin dejjem ftakru f’din il-ġurnata bħala l-ġurnata li tagħmilhom dak li huma iżda mhux biex tagħlaqna bejn l-erba’ ħitan ta’ djarna. Huwa saħaq li min mhux konxju mill-identità tiegħu, ma jistax jilqa’ lil ħaddieħor.

“Il-fatt li aħna niftħu qalbna, moħħna, djarna, pajjiżna għal ħaddieħor li ġej minn kultura differenti, ma jfissirx li aħna ninsew minn fejn ġejna jew min aħna, imma dan jista’ jsir, din il-laqgħa tista’ ssir, jekk aħna nagħrfu l-għeruq tagħna kemm huma profondi. U jien nitlob l-interċessjoni ta’ Marija biex l-għeruq tagħna tibqa’ taħsilhom bl-imħabba u l-ħarsa tagħha,” hu spjega.

Monsinjur Arċisqof qal li t-twelid ta’ ommu huwa din it-tieqa miftuħa fuq realtà kbira, għaliex m’hemm ebda iben li m’għandux omm u l-omm hija omm minħabba l-iben.

Huwa qal li ir- realtà  hi li għandna sfidi kbar li qed jippruvaw jisirqulna mhux biss dak li għamilna min aħna, imma wkoll id-dinjità tagħna bħala bnedmin.

“Għax li temmen li tarbija tibda tgħix mit-tnissil mhix kwistjoni ta’ reliġjon Kattolika, hija kwistjoni ta’ xjenza.

“M’inix qiegħed hawn nirrepeti d-domma tal-fidi għax il-fidi tgħallmek tħares lejn l-affarijiet li ma tistax tarahom. Imma jiena qed insellem il-kontribut tax-xjenza li tgħallimni li dak li niċċelebraw huwa vera,” saħaqq l-Arċisqof.