L-Isqof Giovanni Cefai jqaddes fil-Bażilika ta’ San Duminku

Read in English.

Bħala parti mis-sensiela ‘Ġurnata mal-Papa San Ġwanni Pawlu II’, l-Isqof Giovanni Cefai għamel żjara fil-Bażilika ta’ San Duminku fil-Belt Valletta u qaddes mal-Komunità tal-Patrijiet u l-poplu ta’ dawk in-naħat nhar il-Ħadd 18 ta’ Awwissu 2019.

F’omelija li għamel f’din l-okkażjoni, aċċenna għal Papa Ġwanni Pawlu II bħal ikona tal-paċi. Huwa radd ħajr lil dawk kollha li qed jilqgħuh u jgħinu l-missjoni tiegħu fil-Perù fejn hemm ħafna faqar. Tkellem dwar il-paċi  u stqarr li għalkemm il-poplu tiegħu ħafna drabi jgħix fil-miżerja u t-tbatija iżda fuq wiċċhom tara t-tbissima għax f’qalbhom issaltan il-paċi. Huwa awgura li din il-paċi ssaltan ukoll fil-qalb tal-poplu Malti kollu.

Din kienet inizjattiva mill-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni (JP2 Foundation) li qed thejji biex tfakkar matul is-sena d-dieħla l-100 sena mit-twelid tal-Papa Pollakk u t-30 sena minn mindu kien żar il-gżejjer Maltin.