“Mons. Cremona jixraqlu t-titlu ta’ missier spiritwali” – L-Isqof t’Għawdex

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona ħadem biex Kristu jkun fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà.
Dan hekk kif ilbieraħ filgħaxija, id-Djoċesi t’Għawdex ingħaqdet mal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona biex trodd ħajr lil Alla għall-ministeru pastorali tiegħu fit-tmun tal-Knisja f’Malta.
L-Isqof t’Għawdex qal li Mons. Cremona jixraqlu t-titlu ta’ missier spiritwali, għaliex nissel lil ħafna għall-ħajja tal-Ispirtu.
Irringrazzja lill-Arċisqof Cremona għall-medjazzjoni tiegħu bejn Alla u l-bniedem hekk kif Mons. Cremona nqeda bil-ministeru tiegħu biex jgħin lill-bniedem jagħraf ir-rieda ta’ Alla.
Mons. Mario Grech kompla jgħid li ladarba l-bniedem jagħraf ir-rieda ta’ Alla, isib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet eżistenzjali tiegħu, konvint li Kristu huwa t-tweġiba ta’ Alla l-Missier lill-umanità.  
F’quddiesa ta’ radd il-ħajr li saret fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb, flimkien ma’ Mons. Cremona kkonċelebraw l-Isqof t’Għawdex Mario Grech u għadd ta’ kappillani u saċerdoti oħra.
Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech f’isem id-Djoċesi Għawdxija offra inċiżjoni tal-Madonna Ta’ Pinu lill-Arċisqof Emeritu Cremona filwaqt li wassallu anke r-ringrazzjament personali tiegħu.
 
Ritratti: John Cordina