Mons. Carmelo Mercieca jingħata l-Premju Anzjanità Attiva

Monsinjur Carmelo Mercieca ġie mogħti l-Premju Anzjanità Attiva għal din is-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ppreżentat dan il-Premju waqt serata li ttellgħet ilbieraħ.
Waqt li awgurat lill-Mons. Mercieca, Justyne Caruana spjegat kif wieħed mill-għanijiet tas-Segretarjat li tmexxi hi huwa proprju li l-anzjani jibqgħu kemm jista’ jkun attivi fis-soċjetà.
Għalhekk, kompliet tgħid Justyne Caruana, is-Segretarjat huwa mpenjat b’ħidma biex isaħħaħ is-servizzi fil-komunità u jħeġġeġ aktar anzjani jieħdu rwol attiv fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari semmiet li din is-sena kien hemm 22 persuna nominata għal dan il-premju u appellat biex aktar anzjani jimxu fuq l-eżempju tagħhom u jkomplu jkunu iżjed attivi fis-soċjetà.
Dan l-avveniment sar taħt il-Patronċinju Distint tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, u għalih attenda wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja, Ħarsien tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabilità, Robert Cutajar.