Mons. Antoine Camilleri ordnat Isqof mill-Papa

Fir-ritratt jidhru (mix-xellug): Dun Jesmond Manicaro, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Antoine Camilleri, l-Isqof Galea-Curmi u Dun Gordon Refalo. Huma lkoll, ħlief Mons. Scicluna, ġew ordnati saċerdoti fl-istess sena, jiġifieri fl-1991.

Read in English.

Ilbieraħ saret l-Ordinazzjoni Episkopali mill-Papa Frangisku ta’ Mons. Antoine Camilleri, Arcisqof Titulari, fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Flimkien mal-Arċisqof Camilleri ġew ordnati tliet isqfijiet oħra: patri Ġiżwita Kanadiż imwieled ir-Repubblika Ċeka u żewġ saċerdoti djoċesani Taljani. Preżenti għall-Quddiesa tal-ordinazzjoni kien hemm il-Kardinal Prospero Grech, l-Arcisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Awziljarju Joseph Galea-Curmi, l-Isqof Mario Grech, għadd ta’ saċerdoti Maltin, qraba ta’ Mons. Camilleri u għadd ta’ persuni mill-parrocca tiegħu, dik ta’ Stella Maris, Tas-Sliema.

FL-Omelija tiegħu il-Papa Franġisku qalilhom li huma ġew magħżula minn Alla u fisser kif l-Episkopat tagħhom mhux unur iżda servizz. Appellalhom ukoll biex ixandru l-Kelma f’kull opportunità li jkollhom. Il-Papa kompla bil-pariri tiegħu lill-Isqfijiet il-ġodda billi qalilhom ikunu fidili lejn it-tagħlim tal-Knisja u l-misteri ta’ Kristu billi dejjem isegwu l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb li “jaf lin-nagħaġ tiegħu, huma jafuh u ma jiddejjaqx jagħti ħajtu għalihom”.

L-Arcisqof Antoine Camilleri, li fl-2013 inhatar sottosegretarju tas-Santa Sede ghar-Relazzjonijiet bejn l-Istati, issa ser ikun qed iservi bhala Nunzju Appostoliku.