Mons. Aldo Cavalli se jkun in-Nunzju Appostoliku ġdid ta’ Malta

Il-Papa Benedittu XVI innomina lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Aldo Cavalli bħala Nunzju Appostoliku ġdid ta’ Malta. Monsinjur Cavalli huwa Arċisqof Titulari ta’ Vibo Valentia, u sa issa Nunzju Appostoliku fil-Kolombja.

Din se titħabbar mill-Vatikan llum, u mill-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Charles J. Scicluna waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li qed issir fil-Kurja. Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet l-Isqfijiet qed iwasslu wkoll lill-ġurnalisti, l-Ittra Pastorali tagħhom għar-Randan, li se tinqara fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex bejn illejla u għada.

Il-kariga ta’ Nunzju Appostoliku kienet sfat vakanti f’Novembru li għadda meta l-Papa Benedittu XVI nnomina lil Monsinjur Tommaso Caputo bħala Arċisqof ta’ Pompei.

In-Nunzju l-ġdid, li mistenni jasal Malta f’April, twieled l-Italja fl-1946 u ġie ordnat Isqof fl-1996 fil-Katidral ta’ Bergamo. Wara xi snin ta’ ħidma pastorali fid-djoċesi tiegħu, Mons. Cavalli ssejjaħ biex imur l-Akkademja Ekkleżjastika Pontifiċja ġewwa Ruma. Matul dan iż-żmien, huwa speċjalizza fit-Teoloġija u fil-Liġi Kanonika u huwa wkoll gradwat fix-Xjenzi Politiċi.

Mons. Cavalli ngħaqad mas-servizz diplomatiku tas-Santa Sede fl-1979, ħadem fis-Segreterija tal-Istat, fil-Vatikan, u nħatar Nunzju Appostoliku għall-ewwel darba fl-1997. Mons. Cavalli wettaq ħidma diplomatika bħala Nunzju f’diversi pajjiżi, fosthom l-Angola, ċ-Ċile u l-Kolombja.

In-Nunzju Appostoliku jirrappreżenta l-Papa u s-Santa Sede kemm mal-knejjes lokali ta’ Malta u t’Għawdex, kif ukoll mal-Awtoritajiet Ċivili. Huwa jkun ukoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta.