MONEYVAL: Abela missu jipponta subgħu lejn Muscat, mhux Grech u Delia – FPPN

Read in English.

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela missu jipponta subgħu lejn il-preċedessur tiegħu Joseph Muscat u n-nies ta’ madwaru, minflok jgħid li Bernard Grech u Adrian Delia kkontribwew għan-nuqqasijiet tal-MONEYVAL.

Il-Forum ħareġ stqarrija dalgħodu b’reazzjoni għall-kummenti tal-Prim Ministru lill-ġurnalisti lbieraħ. Huwa stqarr mal-ġurnalisti li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u qablu Adrian Delia kienu kontributuri għan-nuqqasijiet tal-MONEYVAL, peress li wieħed min-nuqqasijiet ewlenin li sabu l-MONEYVAL kien dak li l-awtoritajiet tat-taxxa ma jressqux lil min ma jħallasx it-taxxa l-qorti, iżda minflok jagħmlu arranġament amministrattiv biex it-taxxa titħallas.

Skont il-Forum, b’dawn il-kummenti, il-Prim Ministru ma setax jaqa’ aktar fil-baxx fil-politika. Huwa kkundanna lill-Prim Ministru talli donnu jrid isib f’min iwaħħal għan-nuqqasijiet tal-Gvern.

L-istqarrija tgħid li n-nuqqasijiet ġejjin mill-fatt li minkejja l-allegazzjonijiet fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri, dawn baqgħu ma tressqux quddiem il-ġustizzja, mill-fatt li l-Partit Laburista għandu rekord dubjuż fuq is-saltna tad-dritt u l-korruzzjoni. Il-Forum insista li Abela għandu jieqaf “jagħmilha tal-iblah” u jippermetti li jsir proċess tajjeb sabiex tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.

L-unika tama li għandha Malta, qal il-Forum, hija li fl-aħħar issir ġustizzja. Fil-fehma tal-Forum, Malta għandha turi li anke l-ogħla politiċi jridu jaffaċċjaw il-ġustizzja, u jekk hemm bżonn, anke jintbagħtu l-ħabs jekk kisru l-liġi. Apparti hekk, Malta għandha turi li mhux normali li ġurnalista tinqatel sempliċiment għax kienet qed tagħmel xogħolha, temm jgħid il-Forum.