Money Heist se jkompli… iżda meta?

Wara s-suċċess kbir li ksieb l-aħħar staġun ta’ Money Heist, qed jingħad li s-sensiela Money Heist se tkun qed tkompli għal żewġ staġuni oħra, il-ħames u s-sitt wieħed. Dan skont is-sit Spanjol Marca li qed jirrapporta li kien hemm ftehim mal-atturi biex jintrabtu għal aktar staġuni minn ferm qabel ma beda jixxandar ir-raba’ staġun li kiser record ta’ udjenzi fuq Netflix.

Il-fans  tas-sensiela bla dubju huma kuntenti b’din l-aħbar wara li l-aħħar puntata li xxandret ħallihom bla nifs u prattikalment bla kliem hekk kif stennew biex jaraw kif se tkompli din il-ġrajja.

Iżda issa l-mistoqsija hija meta eżattament se tkompli tixxandar.

Filwaqt li jidher li huwa ovvju li ss-serje se tkun qed titkompla, id-data però tidher li mhux se tkun magħrufa minħabba li l-ġbid fuq is-sensiliet kollha madwar id-dinja bħalissa huwa wieqaf minħabba fis-sitwazzjoni li nħolqot bil-pandemija tal-Covid-19.

Għall-fans tas-sensiela l-aħbarijiet it-tajba ma jiqfux hekk kif  Alex Pina, il-moħħ wara din is-sensiela tkellem pubblikament u stqarr li jeżistu possibilitajiet li jinħadmu xi spin offs minn The Money Heist, billi dawn il-proġetti l-ġodda jkunu jduru madwar xi karattri partikolari mis-sensiela oriġinali.

Jekk dawn l-ispin offs iseħħux jew le hija xi ħaġa li wieħed għad irid jara iżda ċertament li l-ħsieb qieħed hemm.