Monaco jerġgħu jonqsu milli jirbħu

Il-bidu ħażin ta’ Monaco fl-istaġun il-ġdid għadu ma ntemmx hekk kif spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Nimes.

Antonin Bobichon poġġa lil Nimes fil-vantaġġ wara 19-il minuta iżda l-attakkant Kolombjan Radamel Falcao kiseb id-draw għal Monaco b’xutt minn barra l-kaxxa li ġie mxellef għal ġol-lasta. L-eks attakkant ta’ Manchester United u Chelsea seta’ għamilhom 2-1 fil-bidu tat-tieni taqsima iżda x-xutt tiegħu mill-viċin ħabat mal-lasta.

It-tim ta’ Leonardo Jardim jinsab fit-12-il post wara li rebaħ logħba waħda biss mill-ewwel sitta. Fl-istaġun li għadda Monaco spiċċaw fit-tieni post wara Paris Saint Germain iżda issa jinsabu 9 punti ‘l bogħod mir-rebbieħa renjanti ta’ Ligue 1.