“Moħħha jgħidilha li għadha tgħix f’Ħal Qormi u mhux fl-Awstralja” – bint Agnes

Mixja speċjali biex jiċċelebraw għeluq il-102 sena ta’ Agnes

Agnes Borg ma' waħda mill-ġirien li ħaditilha kutra biex ma tiksaħx

Read in English.

Agnes Borg, li hija oriġinarjament minn Ħal Qormi, iżda li mill-1964 tgħix l-Awstralja, llum tagħlaq 102 sena.

Biex jiċċelebraw dan il-jum speċjali, bintha Mariza ħarġet b’idea unika biex tgaħmel din il- ġurnata waħda speċjali għal Agnes, li għandha d-dimenzja.

Ftit tas-snin ilu Mariza kienet tħeġġeġ lill-ġirien biex jibgħatu kartolina lil Agnes biex jgħinuha tħossha maħbuba. Kien minn hemm li bdew il-mixjiet flimkien man-nies mill-kommunità, nies li meta kienet aktar f’daħħitha l-mara kienet tgħin f’diversi sitwazzjonijiet u okkażjonijiet.

“Qatt ma kienet tgħid xejn ħażin fuq xi ħadd,” ikkummentat ma’ newsbook.com.mt Mariza, waħda mill-għaxar ulied ta’ Agnes.

1945: AGnes ma’ żewġha, meta kienu jgħixu f’Tas-Sliema

L-għaxar ulied ta’ Agnes twieldu f’Tas-Sliema u Mariza kellha sitt snin meta l-familja emigrat lejn l-Awstralja. Iżda fl-1968 Agnes romlot u rabbiet weħidha lil uliedha.

Agnes ġiet Malta kemm il-darba matul is-snin sabiex iżżur lil ħutha.

“L-aħħar darba li għamlet dan kien fl-1989. Minħabba fis-sitwazzjoni f’saħħitha kien impossibbli għaliha biex iġġemma’ biex tkun tista’ tiġi Malta,” żiedet tgħidilna Mariza.

Illum Agnes u marzia jgħidu f’Sydney. Mariza marret tgħix f’St Clair meta żżewġet fl-1982 u rranġat biex ommha tibni dar ħdejn tagħha. Fl-1986 Agnes biegħet id-dar fi Smithfield NSW fejn kienet għexet għal 20 sena. Agnes għexet ma’ Mariza għal madwar sena sakemm id-dar setgħet titlesta.

Kien fl-2007 li Agnes bdiet turi sinjali li tbati mid-dimenzja.

Agnes ma’ oħtha Melita u ommhom

“Bdejt nagħmel ħafna proċeduri sabiex inħares is-sigurtà ta’ ommi. Fost l-ewwel affarijiet li għamilt kien li nagħmel il-GPS tracking device fuq il-mobile ta’ ommi. Dan minħabba li ommi bdiet tinsa’ fuq liema bus stop kellha tieqaf,” kompliet tispjega Mariza li fl-2009 kellha titlaq ix-xogħol tagħha sabiex tkun tista’ ddur b’ommha.

Issa, fl-età ta’ 102 snin Agnes qed tbati biex iżżomm fuq saqajha.

“Il-lejl inqattgħu ma’ ommi u ngħinha kull darba li jkollha bżonn tmur fil-kamra tal-banju. Ġieli dan ifisser sitt darbiet mal-lejl. Hi torqod ħafna matul il-ġurnata u għaldaqstat tbati beix torqod mal-lejl,” kompliet itirrakkonta Mariza li tgħid li ma tħobbx tħalli lil ommha weħidha.

“Mhux l-ewwel darba li tinsa li din hija d-dar tagħha u moħħha jgħidiha li d-dar tagħha hija dik mal-ġenituri tagħha f’Ħal-Qormi.

Issa llum qed jiċċelebraw għeluq snin Agnes.

“Naħseb li l-mamà se tkun eċitata u mħassba għaliex daqstant neis qed jieħdu interess fiha llum. Bla dubju se tkun qed tapprezza l-fjuri u l-kartolini li se tirċievi, kif ukoll se tkun imdawwra bil-ġirien li se jingħaqdu magħna biex jiċċelebraw għeluq sninha,” temmet tgħidilna Mariza.

Tistgħu tibagħtu messaġġ ta’ awgurju lil Agnes fuq Facebook permezz tal-paġna Come walk with me, my mother Agnes and dementia.

Newsbook.com.mt jawgura l-isbaħ xewqat lil Agnes f’dan il-jum speċjali.