Modern Talking Reloaded għal waqt l-80s and 90s Music Festival f’Ħal Kirkop

Ritratt: Facebook

Modern Talking Reloaded hija tribute band tal-grupp popolari Modern Talking, li għall-ewwel darba f’Malta se jkunu qed jagħtu spettaklu f’Malta waqt ir-raba’ edizzjoni ta’ festival b’mużika tas-snin tmenin u disgħin li se jkun organizzat f’Ħal Kirkop mill-Għaqda Mużikali San Leonardu – Sezzjoni Żgħażagħ. Għal darb’ oħra l-festival se jittella’ b’risq il-Fondazzjoni Inspire.

Dan tħabbar illum mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, li tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-avvenimenti li jagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli f’pajjiżna.

“Grazzi għal organizzazzjonijiet lokali qegħdin inkomplu ninkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni u inklussività fis-settur. L-istrateġija tagħna bħala gvern hi niżguraw li nipprovdu kalendarju kulturali rikk lill-komunitajiet tagħna. B’dan il-mod qed inressqu aktar festivals lejn il-lokalitajiet – xi ħaġa li qed issir aktar popolari kull sena – filwaqt li nagħtu s-sapport tagħna għall-avvanz ta’ aktar inizjattivi innovattivi bħal din,” kompla jgħid Owen Bonnici. Ikkonkluda billi rringrazzja l-organizzaturi speċjalment minħabba li se jsir għal kawża ġusta.

Il-festival se jittella’ l-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju fi Triq San Benedittu Ħal Kirkop bis-sehem ta’ DJs popolari Maltin, Alex Reflex Grech u Renato Vella li se jkunu qed idoqqu mużika mis-snin tmenin u disgħin rispettivament.

Din it-tribute band hi ffurmata minn André Brand u Michael Beurich li ilhom mill-1999 jiffurmaw parti mill-grupp li jwassal il-mużika tal-popolari Modern Talking li ilhom mill-2003 ma jkantaw flimkien f’kunċerti madwar id-dinja. Għaldaqstant il-wirja tagħhom hi waħda unika peress li huma l-unika tribute band li teżisti tal-Modern Talking.

Filwaqt li dan il-festival hu bla ħlas, kull donazzjoni lejn il-Fondazzjoni Inspire hi ferm apprezzata.