Moda ġdida: żwieġ miegħek innifsek

Kemm-il darba tiltaqa’ ma’ nies li jgħidu li qatgħu qalbhom mill-imħabba u mhuma se jiżżewġu qatt. Madankollu, issa jidher li fid-dinja qed tidħol moda ġdida: nies li jgħidu li jiżżewġu lilhom infushom!
Laura Mesi, mill-Italja iddeċidiet li tiżżewweġ lilha nnifisha wara li relazzjoni li kienet ilha fiha 12-il sena sfaxxat fix-xejn, u wegħdet lil sħabha li jekk ma tiltaqax ma’ raġel ieħor sal-età ta’ 40 sena, mhi se tiżżewweġ lil ħadd ħlief lilha nnifisha. U żammet kelmtha.
Minkejja li ċ-ċerimonja ma kinitx legali, xorta waħda kienet kompluta, b’kejk bi tliet saffi, libsa tat-tieġ mill-isbaħ, għadd ta’ bridesmaids u 70 mistieden.
Iżda jekk forsi qed taħsbu li ċerimonja bħal hija biss għan-nisa, sejrin żmerċ. Fil-fatt, Mesi la kienet l-ewwel persuna u lanqas kienet l-uniku Taljana li ħadet din id-deċiżjoni, hekk kif f’Mejju li għadda, raġel bl-isem ta’ Nello Ruggiero iżżewweġ lilu nnifsu f’Napli.
Jidher li din ix-xejra ta’ nies jiżżewġu lilhom infushom ilha mill-1993 u kull ma jmur qed tkompli tikber.
Fil-Ġappun aġenzija li tipprovdi ċeremonji għal nisa li jridu jiżżewġu lilhom infushom ilha teżisti mill-2014.
Is-sensieli televiżivi Sex and the City u Glee kellhom ‘żwiġijiet’ ta’ dan it-tip fihom ukoll.
Fl-Istati Uniti hemm websajt Irrid Niżżewweġ Lili Innifsi. U anke fil-Kanada hemm aġenzija ta’ dan it-tip.
Insomma l-ġenn tan-nies ħadd ma jsib tarfu.