Mod ġdid kif jinbiegħu l-binjiet tipiċi Għawdxin

Infetaħ uffiċċju f’Għawdex, b’kunċett ġdid, biex jiġi attirat investiment barrani permezz ta’ bejgħ ta’ binjiet tipikament Għawdxin.
Il-ħsieb ta' Only Made in Gozo hu li tingħata identità speċjali lil kull propjetà u prominenza lir-raħal li tinsab fih.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li spjega li permezz ta’ dan il-proġett inħolqot niċċa ta’ turiżmu lejn Għawdex u żdiedu wkoll l-impjiegi f’Għawdex.
Anton Refalo ħeġġeġ għal aktar inizjattivi intraprenditorjali u innovattivi ta’ dan it-tip, kif ukoll sabiex aktar kumpaniji jitħajru jinvestu u anke jkabbru l-operat tagħhom.
Dan l-uffiċċju se jitmexxa mid-Direttur Maniġerjali ta’ Sapphire Real Estate Services, Jane Chircop.
Spjegat li l-kunċett huwa wieħed kreattiv u innovattiv, u permezz tiegħu qed jiġi attirat investiment barrani bl-għajnuna ta’ promozzjoni barra minn xtutna, għall-bejgħ ta’ proprjetà antika b’arkitettura tipika Għawdxija, kif ukoll tingħata identità speċjali li tirrispetta l-patrimonju privat b’rispett lejn ambjent għal żvilupp sostenibbli. 
Ritratt: MGOZ – George Scerri