Mod ġdid kif isir il-kummerċ f’Malta

Business Network International, magħrufa aħjar bħala BNI, hi l-akbar organizzazzjoni għal business referrals u n-netwerking bejn in-negozji fid-dinja.  
Bħal 58 pajjiż ieħor fejn il-BNI hi preżenti, il-BNI f’Malta tipprovdi ambjent pożittiv, ta’ appoġġ u strutturat biex isir skambju ta’ business referrals ta’ kwalità. Il-membri jkollhom l-opportunità li jaqsmu l-ideat, il-kuntatti, u l-iktar importanti jagħtu business referrals. 
Il-membri f’kull wieħed mis-sitt Kapitli f’Malta, is-sena l-oħra,  għaddew eluf ta’ referrals lil negozji oħra. Dawn iġġeneraw negozju b’valur li jammonta għal eluf ta’ eluf ta’ ewro. Meta kien mistoqsi dwar liema huma dawk in-negozji li jibbenefikaw l-aktar min-netwerking, id-Direttur Nazzjonali tal-Malta BNI David Bullock qal li “kollox jiddependi mhux min-negozju iżda mill-individwu. In-negozju jista’ jkun xi jkun, imma jeħtieġ li l-individwu jkun iffukat, ikollu ħsieb ċar dwar xi jrid jikseb min-negozju. Importanti hu l-fatt li jrid ikun lest jimpenja ruħu bis-serjetà. Jekk il-persuna lesta li twettaq dan kollu, allura dik il-persuna se tagħmel suċċess f’wieħed mill-kapitli tagħna.”
Il-filosofija mħaddna mill-BNI jisimha “givers’ gain”, li tfisser li kull kapitlu jopera bħala komunita’ fejn kull membru jkun attent għal kwalunkwe opportunitajiet ta’ negozju li jkunu jistgħu jassistu lill-kollegi fl-istess kapitlu.
Fi żmien qasir ta’ erba’ snin, il-Malta BNI waqqfet sitt kapitli f’Tas-Sliema, Ħ’Attard, il-belt Valletta, Ħal Qormi u San Ġiljan. 
L-attività BNI Networking Event li jmiss se ssir l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju fil-lukanda Phoenicia, il-Floriana. L-attività tibda fis-6.45am u tintemm għal ħabta tal-10am.
Il-persuni interessati għandhom jikkuntattjaw minn qabel lil Gordon Pace fuq l-imejl gordon@y.com.mt jew lil Carmel Bonello fuq l-imejl carmel.bonello@bpc.com.mt. Aktar tagħrif dwar il-BNI mis-sit lokali www.maltabni.com jew mis-sit internazzjonali www.bni.com.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.