MOAS jingħataw il-premju Serracino Inglott għall-ħidma ċivika

Migrant Offshore Aid Station, jew MOAS, li hi għaqda mhux governattiva bbażata f’Malta li taħdem biex issalva nies li jkunu f’diffikultà fil-Mediterran, ġiet dikjarata r-rebbieħ ta’ din is-sena tal-Unur Peter Serracino Inglott għall-Ħidma Ċivika.
Minn kemm ilha li twaqqfet l-organizzazzjoni, għenet biex jinstabu, jiġu salvati u ttrattati, eluf ta’ persuni li kienu fil-vjaġġ għal ħajja aħjar. Fl-ewwel sena tagħha, MOAS hi stmata li salvat iktar minn 10,000 ħajja permezz ta’ ħidma ffinanzjata b’mod privat.
Regina Catrambone rċeviet il-premju mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, fil-Palazz Verdala.
B’kollox, kien hemm disa’ nomini għall-premju li ġew evalwati minn ġurija apposta.
Il-Premju Peter Serracino Inglott jingħata mit-Today Public Policy Institute, li tiegħu Serracino Inglott kien wieħed mill-fundaturi.
Il-premju hu intiż għal organizzazzjonijiet jew individwi li jkunu ddistingwew ruħhom fil-ħsieb ċiviku jew f’azzjoni ċivika fil-kuntest Maltija.
Ritratt: OPR