MOAS issalva 323 immigrant f’ġurnata

Ilbieraħ il-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) ingħaqdet f’operazzjoni maċ-ċentru marittimu ta’ Ruma f’żewġ operazzjonijiet ta’ salvataġġ.
Filgħodu, MOAS salvat 227 immigrant mill-Palestina u mis-Sirja li kienu abbord dgħajsa tas-sajd.
L-immiġranti, li 57 minnhom kienu tfal, ittellgħu fuq il-vapur Pheonix u ngħataq l-ewwel għajnuna. Kmieni dalgħodu huma ġew trasferiti fuq vapur Taljan.
Waqt din l-operazzjoni, MOAS lemħet dgħajsa li fuqha kellha abbord 96 raġel u mill-ewwel tagħthom l-ilma u ġkieket tas-salvataġġ sakemm ġew traferiti fuq vapur tal-merkanzija.
Fuq waħda mid-dgħajjes kien hemm tifel bi bżonnijiet speċjali, li kellu bżonn l-insulina u din ġiet provduta lilu. Kien hemm ukoll diversi nisa tqal. Il-bqija ma kien hemm ħadd li kien imweġġa’ jew li kien marid.
Il-MOAS hija inizjattiva umanitarja privata li għandha vapur ta’ 40 metru li fuqu jaħdem crew professjonali fosthom tobba.