Imniedi l-ewwel Forum Nazzjonali tal-Isport f’Malta

Ġie mniedi l-ewwel Forum Nazzjonali tal-Isport f’Malta.
L-għan tal-forum huwa li mhux biss jilħaq lil dawk li huma direttament involuti fl-isport iżda wkoll setturi oħra li b’mod indirett jew dirett jiġu affetwati mill-isport u li permezz tiegħu jistgħu jtejjbu l-ħajja personali tagħhom.
Għada se tibda d-diskussjoni dwar l-isports f’Malta b’serje ta’ sitt seminars u workshops biex fit-22 u 23 ta’ April isir il-Forum Nazzjonali fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.
Is-seminars se jinkludu l-irwol taċ-ċivil u l-ħaddiema tiegħu fl-isport, l-attivitajiet u l-amalgamazzjoni bejn l-isport u ż-żgħażagħ, il-mod ta’ kif Għawdex u l-Għawdxin jistgħu jtejbu l-livell tagħhom, kif l-isport fl-iskejjel jista’ jtejjeb il-kwalità u jkun aktar innovattiv u kif il-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jersqu lejn xulxin u għalhekk ikunu aktar effettivi. 
F’dan il-forum, huma involuti l-Ministeru tal-Edukazzjoni u entitajiet oħra fosthom il-PBS, id-dipartimenti tas-saħħa u dawk tas-saħħa mentali, Aġenzija Żgħażagħ, l-LGA, l-MTA, l-Università u l-MCAST u s-servizz ċivili in ġenerali. 
Il-Forum se jilqa` wkoll uffiċjali ogħlja oħrajn minn barra fosthom il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Hockey Marijke Fleuren, l-ex tennista Taljan Nicola Pietrangeli, kif ukoll Marcello Presilla li huwa membru fil-bord maniġerjali ta’ Sport Radar il-kumpanija li tagħmel moniteraġġ tal-imħatri fis-settur Ewropew inkluż f’Malta.
Ritratt: DOI:Pierre Sammut