“Mizzi u Schembri huma problemi tal-Ewropa” – Casa

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa rrimarka li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri mhumiex biss problemi għal Malta, iżda wkoll għall-Ewropa.

F’avveniment fil-Parlament Ewropew illum, David Casa fisser kif l-iskandlu tal-Panama Papers wassal għal riżenji f’pajjiżi bħal Pakistan u l-Mongolja, iżda mhux f’Malta – stat membru Ewropew. Fakkar ukoll li Konrad Mizzi qed jaspira li jkun il-Prim Ministru li jmiss ta’ Malta.

Il-Prim Ministru għandu jneħħi lil Mizzi u Schembri – Delia

David Casa kompla jgħid li filwaqt li ħadd ma jista’ jġib lura lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, kulħadd jista’ jipprova jifhem l-isfidi li affaċċjat, u jieħu azzjoni biex il-ġurnalisti ma jgħaddux minn dak li għaddiet hi.

L-MEP Nazzjonalista stqarr li Daphne Caruana Galizia kienet fil-mira ta’ kampanja koordinata ta’ mibegħda, li wasslet ukoll għal theddid legali abbużiv fil-konfront tagħha.  Sostna li f’ċertu każijiet, dawn kienu ppjanati b’kollaborazzjoni ma’ persuni fl-ogħla livelli ta’ poter f’Malta. Insista li għandu jkun hemm konsegwenzi għal dawk li jkollhom fil-mira tagħhom ġurnalisti f’kull stat membru Ewropew.

David Casa rrefera wkoll dwar l-importanza li l-istituzzjonijiet jaqdu dmirhom. Spjega li Daphne kienet l-aktar fil-periklu, meta dawk li esponiet bħala korrotti, baqgħu f’pożizzjonijiet ta’ poter.

Minbarra lil Mizzi u Schembri bħala problema tal-Ewropa, il-Kwestatur tal-Parlament Ewropew semma lil Yorgen Fenech, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group, Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta u sid il-kumpanija 17 Black.

Identifikat is-sid tal-kumpanija 17 Black

Semma x-xogħol ta’ Caruana Galizia fuq il-Panama Papers u 17 Black, u li mhux aċċettabbli li Fenech baqa’ jmexxi l-power station wara dak li ġie żvelat.

Temm jgħid li l-ġurnalisti mhux se jkunu protetti jekk jitħallew waħedhom bejn ir-rispett lejn il-liġi (is-Saltna tad-Dritt) u dawk li jixtiequ jimminawha.