Mizzi u Metsola jkaxkru lill-bqija

Marlene Mizzi u Roberta Metsola huma l-aktar żewġ Ewroparlamentari fost il-Maltin li saqsew mistoqsijiet fil-Parlament Ewropew, hekk kif iddistakkaw ruħhom sewwa mill-erba’ Ewroparlamentari l-oħra.
Skont il-klassifika tal-MEPs, Mizzi saqsiet 608 mistoqsija u Metsola 411, jiġifieri bejniethom qabżu l-elf mistoqsija, filwaqt li l-erba’ Ewroparlamentari l-oħra bejniethom ma jqbżux l-400 mistoqsija.
Il-klassifika tħares lejn l-attività ta’ kull wieħed mis-751 Membru tal-Parlament Ewropew, skont bosta kriterji, fosthom kemm ressqu mozzjonijiet, kemm kitbu jew emendaw rapporti, kemm-il diskors għamlu, jew kemm attendew plenarji.
Fost l-oħrajn, Alfred Sant attenda 98% tal-plenarji, b’Miriam Dalli u Metsola warajh.
Imbagħad Metsola l-aktar li ressqet mozzjonijiet, b’184 waħda, warajha Mizzi u Dalli. Interessanti kif Francis Zammit Dimech, bil-ftit xhur li ilu Ewroparlamentari, diġà ressaq aktar mozzjonijiet minn Sant u David Casa.
Sadanittant, jekk wieħed iħares lejn il-klassifika totali ta’ dawn l-oqsma għal kull Ewroparlamentari, Metsola tiġi fl-ewwel post b’95 punt, Dalli warajha b’84 punt, imbagħad Mizzi b’54 punt.
Dan ifisser lil-Ewroparlamentari nisa fil-grupp Malti jinsabu quddiem l-irġiel.
Filwaqt li Metsola aktar kmieni dis-sena ġiet rikonoxxuta bħala waħda mill-aktar 40 Ewroparlamentari sinjifikattivi, Mizzi hi l-aktar Ewroparlamentari fost kollha li ssaqsi mistoqsijiet.