“Mizzi tilef ir-roadmap tat-trasport” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi għandu jerfa’ responsabbiltà għaż-żieda fil-konġestjoni tat-traffiku.
Fi stqarrija, id-deputat Toni Bezzina qal li wara li ilu 18-il xahar fil-Gvern u Joe Mizzi inħatar ministru, is-sitwazzjoni tat-toroq marret għall-agħar.
Qal li f’ċerti każijiet, vjaġġ li qabel kien jieħu kwarta issa qed jieħu siegħa. Dan ifisser li tfal tal-iskola qed iqattgħu iktar ħin fuq tal-linji u jridu jqumu iktar kmieni biex jaslu fil-ħin l-iskola.
Żied jgħid li jfisser ukoll li ħaddiema qed jaħlu iktar ħin fil-karozzi tagħhom, li Malta qed taffaċja iktar spiżi u li qed jiżdied it-tniġġiż.
Fakkar kif qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista wiegħed li se jagħti priorità lill-problema tat-traffiku, li qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna nies.