Mizzi m’għandux jibqa’ jisma’ l-każ bħal Scerri Herrera – Busuttil

L-eks-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, ressaq rikors il-Qorti sabiex titħassar id-deċiżjoni tal-Maġistrat Antonio Mizzi li aktar kmieni dax-xahar ma laqax it-talba ta' Busuttil u qatagħha li jibqa’ jisma’ l-każ.
Il-każ jittratta l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, l-eks-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, Adrian Hillman, Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, u Malcolm Scerri.
Fir-rikors tal-lum, Busuttil talab ukoll li jiġu annullati kull digriet jew sentenza li tat il-Qorti Kriminali dwar dal-każ, u li kienu ppreseduti mill-Maġistrat Mizzi.
Dr Busuttil qal li hu ovvju li Mizzi kellu jastjeni sa mill-bidu, bħalma l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera rrikużat mill-każ ta' Daphne Caruana Galizia.
"Jiena nerġa' nisfida lill-Prim Ministru u lill-imsieħba tieghu, Keith Scembri u Konrad Mizzi, sabiex jekk tassew m'għandhomx x'jaħbu, jirtiraw l-appell taghhom minnufih sabiex l-iskandlu tal-Panama Papers ikun jista jibda jiġi investigat", żied Busuttil.
Irrimarka li qed isib reżistenza li ddeskriviha "qawwija" mill-Prim Ministru, Joseph Muscat, sabiex issir ġustizzja.
Antonio Mizzi jiġi żewġ l-Ewroparlamentari Laburista, Marlene Mizzi, u l-eks-Kap Nazzjonalista argumenta li l-MEP dejjem esprimiet fehmitha dwar il-Panama Papers, u qablet ma’ dak li qal il-Partit Laburista dwar is-suġġett.
Fl-istess ħin attakkat dak li kien isostni Busuttil, jiġifieri li dawn il-persuni huma involuti f’ħasil ta’ flus.
Hu għalhekk li Busuttil qal fir-rikors li dan il-fatt jista’ jxekkel id-dritt kostituzzjonali ta’ smigħ xieraq tal-każ.