Mizzi b’konferenzi dwar roħs b’2ċ; imma issa jaħrab mill-midja – Casa

Il-Ministru Konrad Mizzi li fil-passat “sejjaħ konferenzi tal-aħbarijiet live fuq skala nazzjonali biex iħabbar roħs ta’ 2ċ fil-prezzijiet tal-petrol” issa mhux qed jiffaċċja l-ġurnalisti u qed jikser ukoll il-liġi skont il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.

Fi stqarrija, Casa qal li fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat mit-Times of Malta u mir-Reuters dwar ir-rabta bejn 17 Black, Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-konsorzju li rebaħ il-kuntratt tal-Power Station f’Malta, “hu tal-mistħija meta tara t-tattiċi użati minn Mizzi fl-aħħar jiem.”

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) akkuża lil Mizzi li qed jinħela fuq logħba noli biex jaħrab mill-ġurnalisti, minflok ma jagħti aċċess lill-membri tal-istampa biex jagħmlu kuntatt miegħu kif titlob kull demokrazija.

Casa spjega li l-kmamar tal-aħbarijiet kollha għandhom id-dritt li jkunu preżenti għall-attivitajiet fejn il-midja tkun mistiedna. Id-dritt huwa protett mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Kostituzzjoni Maltija. Casa qal li Konrad Mizzi qed iħalli effett negattiv fuq id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u li fl-istess ħin qed jikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-liġi Ewropea, u l-kodiċi tal-etika tal-Ministri.

Casa qal li huwa “inaċċettabbli li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, issa, qed jiddefendi anke l-ksur tal-liġi, u juri f’liema stat spiċċat is-saltna tad-dritt (ir-rispett lejn il-liġi) f’Malta.”

Riċentament, is-CNN fetħet kawża l-Qorti fl-Istati Uniti kontra l-President tal-Istati Uniti Donald Trump talli l-White House ssospendiet l-aċċess għal wieħed mill-ġurnalisti tagħha.

Il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group. Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom jinsistu li ma kisrux il-liġi.