Miżuri tal-COVID-19 waqqfu s-sapport għal tfal b’diżabilità fl-iskejjel – CRPD

Aġġornat 08:19 PM
L-Iskola Primarja Tas-Sliema

Read in English.

Qed jitwaqqfu s-servizzi li jgħinu tfal b’diżabbiltajiet fl-iskejjel minħabba l-miżuri ta’ mitigazzjoni li qed jittieħdu fl-iskejjel b’rabta mal-coronavirus. Dan tħabbar mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna llum.

Scicluna qal li l-miżuri marbuta mal-coronavirus fl-iskejjel ma jistgħux ikunu pprovduti b’detriment għall-istudenti b’diżabilità jew dawk li għandhom bżonn sapport speċifiku.

Il-kummissjoni qalet li rċeviet rapporti li numru ta’ għalliema li jipprovdu servizzi speċifiċi, bħal għalliema għal tfal neqsin mid-dawl u mis-smigħ, early intervention services u servizzi oħrajn impotanti li qed ikunu provduti min-National School Support Services (NSSS), se jieqfu jipprovdu dawn is-servizzi minħabba raġunijiet operattivi u loġistiċi marbuta ma’ COVID-19.

Intqal li dawn l-għalliema minflok se jkunu qed jgħinu lill-istudenti l-oħrajn minħabba li issa l-klassijiet kellhom jinqasmu f’bubbles, u b’hekk hemm bżonn akbar ta’ għalliema.

“Filwaqt li nifhmu u napprezzaw li s-sitwazzjoni preżenti għandha bżonn miżuri straordinarji, m’għandhiex tkun ta’ detriment għall-istudenti b’diżabilità jew dawk li għandhom bżonn sapport speċifiku,” qal Scicluna.

Hu sostna li dawn is-servizzi ma jistgħux jidhru bħala servizzi sekondarji imma bħala mekkaniżmi essenzjali għal studenti partikolari. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet biex jevalwaw is-sitwazzjoni mil-ġdid u jaraw li jipprovdu s-sapport kollu neċessarju lill-istudenti kollha. Fakkret li dan hu d-dritt tagħhom.

L-għalliema li qed jipprovdu dawn is-servizzi m’għandhomx jintużaw biex jimmitigaw in-nuqqas ta’ għalliema, qal il-Kummissarju.

Il-Kummissjoni hija kommessa li tara li s-soċjeta Maltija tkun waħda inklussiva, b’mod li l-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja u jkollhom ħajja ta’ kwalità għolja grazzi għall-opportunitajiet indaqs, insista Scicluna.

Waqt li kkummenta dwar din l-aħbar ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal hekk: “Wara li l-Ministeru ser ikun qed jara li l-klassijiet kollha għandhom għalliema, ser issir evalwazzjoni tas-servizzi kollha offruti sabiex jiġi assigurat li l-istudenti jibqgħu jingħataw is-servizzi. Dan ser isir fil-jiem li gejjin skont il-protokoll u l-pariri tal-awtorità tas-saħħa. Ftaħna l-iskejjel l-ewwel bl-edukaturi, illum bl-istudenti u fil-jiem li ġejjin bis-servizzi meħtieġa lill-istudenti.”

Il-kumment tal-Ministru żdied mal-artiklu fit-8.15pm hekk kif waslilna.