Miżuri ta’ sigurtà għal Kattoliċi fi djoċesi ta’ Burkina Faso

L-insara f'Burkina Faso jħossuhom taħt theddida

Wara l-qtil ta’ erba’ Kattoliċi li seħħ fit-13 ta’ dan ix-xahar fil-parroċċa ta’ Notre-Dame du Lac, fid-djoċesi ta’ Singa fil-provinċja ta’ Bam fil-Burkina Faso, l-Isqof Justin Kientega, ħabbar li kienu se jiddaħħlu miżuri ta’ sigurtà.

F’intervista mal-Fondazzjoni Pontifiċja Aid to Church in Need, li kienet rappurtata minn Vatican News, l-Isqof spjega kif seħħ l-inċident li fih inqatlu dawn l-erba’ persuni. “Hekk kif kienet se tibda purċissjoni ad unur tal-Madonna, l-insara sfaw attakkati u erba’  minnhom inħatfu. Il-folla ħabet li dawn kienu se jinżammu ostaġġi iżda minflok, il-kriminali qatluhom fil-post, bla ħniena”.

Is-sigurtà tal-komunità Kattolika

L-Isqof appella lill-insara biex ikomplu jitolbu għall-paċi f’Burkina Faso u fl-istess ħin semma miżuri ta’ prekawzjoni li se jittieħdu u appella għal aktar viġilanza għas-sigurtà tal-qassisin, reliġjużi u l-komunità Kattolika tad-djoċesi li tinsab fuq il-fruntiera mal-Mali fit-tramuntana tal-pajjiż.

Fl-intervista, l-Isqof ta parir lill-qassisin u r-reliġjużi biex ma jilbsux ilbies li jidentifikahom bħala reliġjużi. Qalilhom biex isaħħu l-miżuri ta’ sigurtà – l-aktar meta jkunu qed jivjaġġaw – billi ma jużawx karrozzi b’xi marki partikolari, jivjaġġjaw meta jkun hemm ħafnlika

a traffiku u qatt ma jivjaġġaw matul il-lejl u ma jgħaddux dejjem mill-istess triq u biex ma javżawx ħ tita Kaafna bil-quddiem il-laqgħat li jkun se jkollhom.

Dawn il-miżuri kollha li jirriflettu t-tensjoni li hemm fil-pajjiż wara diversi attakki ta’ vjolenza kontra l-insara, aktarx li jħallu effet negattiv fuq il-ħidma pastorali tal-Knisja, anke għaliex il-komunitajiet Kattoliċi huma mferrxa ħafna, speċjalment fit-tramuntana tal-pajjiż fejn il-maġġoranza tan-nies huma Musulmani.

Limitu fit-tul tal-funzjonijiet reliġjużi

Kif diġa’ ġara f’pajjiżi oħra bħal Cameroon u n-Niġerja, il-Pakistan u Sri Lanka li fihom kollha seħħew attakki minn gruppi fundamentalisti Islamiċi, l-Isqof Kientenga appella lill-qassisin biex ikunu aktar viġilanti fil-knejjes u l-kappelli bl-għajnuna ta’ voluntiera li jistgħu jintervjenu biex iwissu lill-insara meta jaraw xi periklu.  Hu appellalhom ukoll biex jillimitaw it-tul tal-funzjonijiet reliġjużi.

L-Isqof wera tħassib partikolari għas-sigurtà tal-katekisti li ħafna drabi jgħixu u jaħdmu f’żoni isolati u allura huma esposti għal riskji akbar.

Mons. Kintega temm il-messaġġ tiegħu b’talba għall-paċi: “Nitolbu ‘l Alla, il-Prinċep tal-Paċi u r-Rebbieħ fuq il-forzi tal-ħażen, li jagħti l-paċi lil pajjiżna. Jalla hu nnifsu jkun is-saħħa u l-għajnuna tagħna u t-tama tagħna f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Nitolbuh jagħati l-mistrieħ ta’ dejjem lil dawn il-martri u jalla d-demma li xerrdu ikun għajn ta’ paċi u frott spiritwali”.