Filmati: X’qalu l-MPs dwar Pilatus Bank fil-Parlament?

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Kunsill tas-Superviżjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji se jieħu dawk li sejjaħ numru ta’ miżuri sinifikanti fil-konfront tal-Bank Pilatus u x-shareholders tal-Bank.
Prof. Scicluna kien qed jagħmel Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu ħarġet l-aħbar li ġie arrestat fl-Istati Uniti ċ-Ċermen u s-Sid tal-Bank Seyed Ali Sadr Hasheminejad.
Hasheminejad qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran, billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalemnti għal $115-il miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Fil-Parlament, il-Ministru Scicluna qal li wara li ħarġet l-aħbar kellem lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u uffiċjali għolja fl-Awtorità Maltija għas-Servizzi finanzjarji (MFSA) biex jiltaqa’ l-Kunsill tal-MFSA.

Spjega li l-Kunsill li ltaqa’ llum hu governat minn regoli internazzjonali u Ewropej. Saħaq li l-istituzzjonijiet Maltin se jkomplu jagħtu sehemhom.
Għall-kuntrarju ta’ dak li jinsab imniżżel fuq is-sit tal-MFSA, li l-Bank Pilatus applika għal-liċenzja fis-6 ta’ Diċembru 2013 u ngħata liċenzja fit-3 ta’ Jannar 2014, il-Ministru Scicluna qal li l-proċess tal-applikazzjoni beda fl-2012 u ntemm fil-bidu tal-2013.
Dan ġab reazzjoni tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Kristy Debono li qalet li l-liċenzja lill-Bank ingħatat bit-timrbu tal-2014 u fl-2015 l-istess Bank ingħata wkoll liċenzja għal servizzi ta’ investiment.
Il-Ministru Scicluna kompla jgħid li skont id-dokument tal-akkużi, ġie allegat li Ali Sadr pparteċipa fi skema sabiex jikser is-sanzjonijiet li l-Istati Uniti kienet imponiet fuq l-Iran.  
Żied jgħid li l-istess dokument isemmi li allegatament il-finanzjament u l-pagamenti ta’ dan il-proġett saru permezz ta’ banek istituzzjonijiet finanzjarji barra minn Malta, fosthom fl-Iżvizzera, British Virgin Islands u t-Turkija.
Saħaq li l-ebda parti mid-dokument tal-akkużi ma tissemma Malta jew xi bank liċenzjat f’Malta.
“Indagaw għax tħalla jopera għal dawn is-snin” – Debono
Kristy Debono appellat lil Edward Scicluna u lill-Prim Ministru biex jagħmlu investigazzjoni serja u indipendenti biex jindagaw kif il-Bank Pilatus tħalla jopera għal dawn is-snin.
“Meta se terfgħu responsabbiltà għall-ħsara kbira li ġibtu fil-pajjiż?” – Busuttil
L-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u deputat tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jistaqsi lill-Ministru Scicluna u lill-Prim Ministru dwar meta se jerfgħu r-responsabbiltà għall-ħsara kbira li ġabu fuq il-pajjiż. Isemmi wkoll diversi persuni li fi kliemu għandhom kont fil-Bank Pilatus biex jixxaħħmu.

“Ferris tkeċċa minflok ingħata protezzjoni” – De Marco
Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Mario De Marco jisħaq li l-Ministru Scicluna għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika li fi kliemu ilu jaħrab minnha s-snin.  De Marco semma kif investigatur ewlieni tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) taħt it-tmexxija tiegħu, tkeċċa minflok ingħata protezzjoni.
Irrefera wkoll għat-talba tal-Kumitat PANA (li kien twaqqaf biex jinvestiga l-Panama Papers) lill-Bank Ċentrali Ewropew, biex jinvestiga l-operazzjoni tal-Bank Pilatus. 
“X’għandu x’jaqsam l-arrest ta’ Al Sadr ma’ Malta?” – Bedingfield
Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield staqsa x’inhi r-relazzjoni tal-arrest ta’ Ali Sadr mal-bank f’Malta. Insista li lanqas il-Bank Pilatus mhu involut fil-każ tal-Istati Uniti.
“Inkwetat għal ħaddiema bħal ibni fis-servizzi finanzjarji” – Schiavone
Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone stqarr li ibnu għadu kif beda jaħdem fis-settur tas-servizzi finanzjarji u li dawn l-iżviluppi huma inkwetanti ħafna għal dak li qed jiġri għas-settur.
“Id-due diligence tal-Bank Pilatus frott ta’ inkompetenza jew korruzzjoni?” – Azzopardi
Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru Scicluna jekk għadux jemmen li r-rapporti tal-FIAU nkitbu bil-għan li jiġu leaked, x’responsabbiltà se jieħu talli fl-2015 il-Bank ingħata clean bill of health, u biex iwieġeb jekk id-due diligence li sar hux frott ta’ inkompetenza jew korruzzjoni.
“Skont Artiklu 16 tal-MFSA hemm bażi li titneħħa l-liċenzja tal-MFSA” – Godfrey Farrugia
Godfrey Farrugia, deputat ieħor tal-Oppożizzjoni, qal li issa li ċ-Ċermen tal-Bank Pilatus hu akkużat b’allegat ħasil ta’ flus u frodi fl-Istati Uniti, jista’ jfisser li dan l-istess ċermen jagħmel l-istess tip ta’ għemil skorrett f’Malta wkoll.
Semma Artiklu 16 tal-MFSA li jgħid li jistgħu jittieħdu passi b’mod immedjat, fosthom li titneħħa l-liċenzja tal-Bank, anke b’allegazzjonijiet li saru fuq il-bank fil-passat.
X’ġara wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Bank Pilatus?” – Marlene Farrugia
Min-naħa tagħha, Marlene Farrugia mill-istess partit fl-Oppożizzjoni elenkat numru ta’ affarijiet li ġraw wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Bank Pilatus. Semmiet li l-investigratiċi tal-iskandklu fi ħdan il-Bank inqatlet b’bomba fid-dawl tax-xemx.  Qalet li l-whistleblower tal-każ kellha taħrab mill-pajjiż minħabba theddid.
Marlene Farrugia fakkret kif l-investigazzjonijiet dwar il-Bank bdew 11-il siegħa wara minn meta faqqa’ l-każ u kif minħabba dawn l-istess allegazzjonijiet issejħet elezzjoni bikrija.
"Anke l-Kummissarju Karmenu Vella qed iħammeġ lil Malta mal-barranin?" – Stellini
Id-deputat Nazzjonalista David Stellini kkwota minn stqarrija tal-Kummissjoni Ewropea dwar Malta u staqsa lill-Prim Ministru jekk ladarba l-unika Kummissarju Malti Karmenu Vella huwa magħżul mill-Prim Ministru, jasalx jgħid li anki Vella qed iħammeġ lil Malta mal-barranin.
"Fir-rapport tal-FIAU hemm implikazzjoni ċara għal sid il-Bank" – Aquilina
Min-naħa tiegħu Karol Aquilina semma r-rapport tal-FIAU u qal li hemmhekk kien hemm implikazzjoni ċara għall-istess sid tal-Bank Pilatus. 
Aqra aktar dwar l-iżviluppi tal-każ hawn:
"L-Amerikani ilhom jafu, aġixxew biss illum" – Il-PM
L-MFSA ma tirrevokax il-liċenzja ta' Pilatus Bank; tkeċċi lis-sid

L-MFSA hija responsabbli għas-superviżjoni tal-banek lokali – ECB
Pilatus Bank: Neħħu l-liċenzja llum – PN; il-PM m'għandux poter – PL
Filmat: Pilatus maqjel tal-kriminalità; pulizija jintlemħu fil-Bank – attivisti
Pilatus Bank: X’qed jgħidu fuq l-arrest ta' sid il-bank?
Bdew jinvestigawh qabel ingħata l-liċenzja f’Malta
"Il-Maltin jiġru wara Efimova; l-Amerikani jarrestaw lil sid Pilatus" – ulied Daphne
Filmat: "Kont naf li se tiġri; Min se jerfa' r-responsabbiltà?" – Ferris
Ritratti: “Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma” – sinjali quddiem il-Bank Pilatus u l-FIAU
Itennu għar-riżenja tal-Kummissarju llejla

Ritratt: Reuters