Miżuri restrittivi anke għal Jum it-Tifkira

War Memorial Valletta

Nhar il-Ħadd li ġej Malta se tfakkar Jum it-Tifkira, bl-organizzazzjoni ssir mill-Kumitat Festi Nazzjonali. Jum it-Tifkira, huwa ċċelebrat fil-pajjiżi kollha tal-Commonwealth, f’ġieħ il-vittmi kollha taż-żewġ Gwerer Dinjija.

Għal din l-okkażjoni, Festivals Malta ħabbret ukoll għadd ta’ miżuri restrittivi li se tkun qed timxi magħhom.

Għall-okkażjoni se jkun hemm quddiesa konċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din se tkun immexxija mill-Monsinjur Charles Jude Scicluna, Arcisqof ta’ Malta. Il-quddiesa tibda fid-9.30 ta’ filgħodu. Din is-sena l-quddiesa se tiġi mxandra b’mod dirett fuq TVM 2. Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta jispezzjona Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta. Tieħu sehem ukoll il-Banda tal-Forzi Armati.

X’inhuma l-miżuri restrittivi għal Jum it-Tifkira?

  • Inqas nies biex ipoġġu kuruna
  • Il-kontinġenti tal-Forzi Armati u tal-Pulizija se jkunu ridotti għal numru minimu.
  • L-istess se tkun il-banda tal-Forzi Armati.
  • Il-parteċipazzjoni tal-veterani tas-servizz se tkun limitata biss għal preżentazzjoni tal-istandardi akkumpanjati minn żewġ rappreżentanti tal-organizazzjoni rispettiva. 
  • Dawk l-għaqdiet l-oħra li s-soltu kienu jakkumpanjaw il-kontinġenti tal-veterani tas-servizz din is-sena qed jintalbu biex ma jiħdux sehem.

Wara, il-quddiesa, issir ċerimonja ta’ tifkira  ħdejn il-Monument tal-Gwerra, il-Furjana. Matul din iċ-ċerimonja jitqiegħdu kuruni mal-Monument tal-Gwerra mill-għola awtoritajiet nazzjonali u persuni distinti.

Il-Kumitat Festi Nazzjonali ħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex jagħmel bħal pajjizi oħra tal-Commonwealth u jfakkar il-vittmi b’mod remot bħala rispett u osservanza għal dawk li ssagrifikaw ħajjithom matul iż-żewġ Gwerer Dinjija.

Fl-istess perjodu ta’ żmien isir l-appell tradizzjonali ta’ Jum it-Tifkira mill-Poppy Day Appeal Fund, bħala għajnuna lil dawk il-Maltin li kienu fis-servizzi.