Ara x’qed jagħmlu dawn is-supermarkets f’Malta

Read in English.

Park Towers Supermarkets, Valyou Supermarkets, Tower Supermarket, Trolees Supermarket u Lasco Supermarket, flimkien ħarġu appell għal kooperazzjoni tal-pubbliku sabiex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati u l-klijenti tagħhom. Bl-iżviluppi kontinwi fir-rigward ta’ COVID-19, dawn in-negozji implimentaw numru ta’ miżuri biex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom, kif ukoll tal-klijenti li jżuru l-ħwienet tagħhom.

Filwaqt li internament dawn in-negozji diġa ħadu l-prekawjonijiet skont id-direttivi tal-Ministeru tas-Saħħa, qegħdin jittieħdu wkoll numru ta’ inizjattivi oħra sabiex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni preżenti ta’ folol kbar fil-ħwienet tagħhom. Dawn l-inizjattivi nħarġu minħabba fir-responsabbiltà tal-kumpaniji lejn l-impjegati tagħhom stess, il-familji tagħhom u l-klijentela.

Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex joqgħod lura milli jidħol fi kwalunkwe supermarket jekk wieħed isofri minn sintomi li jixbħu l-influwenza jew ikun tqiegħed taħt kwarantina obbligatorja.

Il-klijenti huma wkoll mitluba biex jaħslu idejhom qabel ma jużaw it-trolleys jew basktijiet, u jużaw is-saniters li qed jiġu pprovduti f’kull ħanut. Klijenti għandhom jevitaw ukoll li jmissu oġġetti għal bejgħ u jpoġġuhom lura fuq l-ixkafef.

Il-pubbliku jista’ jissalvagwardja aktar is-saħħa tiegħu stess billi jżomm ftit distanza minn persuni oħra, b’mod partikolari meta jiltaqa’ ma’ kjuwijiet twal. Il-ħwienet imsemmija qegħdin jużaw l-isforzi kollha biex jiżguraw li l-klijenti jiġu moqdija fl-inqas ħin possibbli.

Id-diretturi jixtiequ jirringrazzjaw l-impjegati kollha għax-xogħol kontinwu u d-dedikazzjoni tagħhom. L-effett ta’ COVID-19 fuq dawn in-negozji kien ta’ sfida kbira, u huwa grazzi għat-tim kollu li dawn il-ħwienet komplew jipprovdu l-aqwa esperjenza possibbli lill-klijenti tagħhom. Il-kumpaniji se jkomplu jieħdu kull miżura biex jieħdu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tagħhom.

Dawn il-miżuri qed jiġu implimentati ġewwa Park Towers Supermarkets (Spinola, San Ġiljan, Sta. Venera), Valyou (Pendergardens, Naxxar, Mellieħa), Tower Supermarket (Sliema), Trolees Supermarket (Qawra), u Lasco (iż-Żejtun).

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit tagħhom

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn