“Miżuri ħorox għall-kuntratturi li ma jimxux mar-regoli” – MDA

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) qalet li hemm għadd ta’ kuntratturi li mhux qed isegwu r-regoli kollha meta jwaqqgħu l-bini.
Fi stqarrija, l-MDA qalet li numru ta’ operaturi mhux qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha tas-sigurtà meħtieġa. Tisħaq li b’riżultat ta’ dan it-traffiku, il-ħaddiema u persuni li jkunu mexjin fit-triq ikunu qegħdin f’riskju.
L-MDA kompliet tgħid li temmen li kull tip ta’ xogħol ta’ twaqqiegħ għandu jsir minn kuntratturi regolati u liċenzjati. Saħqet illi jekk jirriżulta li xi kuntratturi membri tal-assoċjazzjoni ma josservawx il-kundizzjonijiet tal-permessi li jingħataw għat-twaqqigħ, dawn jiġu mċanfra pubblikament.
L-MDA temmet l-istqarrija b’appell indirizzat lill-Gvern biex jintroduċi reġistru ta’ kuntratturi liċenzjati sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ħorox kontra dawk li mhumiex liċenzjati.