Miżuri ġodda: gruppi sa 6 persuni; il-bars u l-każini se jagħlqu għal xahar

Aġġornat 11:04 AM
people-wearing-masks-valletta-2
Miguela Xuereb

Read in English.

Minn nhar il-Ħamis, il-bars u l-każini kollha għandhom jibqgħu magħluqin. Din il-miżura tibqa’ tgħodd sal-1 ta’ Diċembru sas-6am. Il-gruppi jistgħu jkunu wkoll sa massimu ta’ sitt persuni minn nhar il-Ħamis li ġej.

Dawn il-miżuri ġodda għadhom kemm tħabbru mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Ġie spjegat li l-isnack bars u l-gabbani jistgħu jibqgħu miftuħin, madankollu ma jistgħux jipprovdu, joffru jew ibigħu kwalunkwe tip ta’ xorb alkoħoliku lill-klijenti u għandhom jagħlqu bejn il-11pm u l-5am.

Gruppi ta’ 6

Minn nhar il-Ħamis ukoll, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi grupp fi spażji pubbliċi se jonqos minn 10 persuni għal 6 persuni.

Dan ifisser li fi spażji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn 6 persuni huma projbiti, inklużi fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Il-multi

Il-multa għal min ma josservax din il-miżura se tiżdied għal €200, iżda jekk il-penali tiġi mħallsa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-multa titnaqqas għal €100.

Dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ wara konsultazzjoni mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19.

L-aħħar miżuri li tħabbru
Filmat: Bars u każini se jagħlqu fil-11pm

L-aħħar sett ta’ miżuri li ttieħdu qabel dawn kienu li l-bars u l-każini jagħlqu fil-11pm, u li l-maskri jsiru mandatorji kullimkien. Dawn il-miżuri tħabbru fis-16 t’Ottubru.

Minkejja dawk il-miżuri, it-tobba u l-ħaddiema tas-saħħa baqgħu jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern sabiex jittieħdu aktar miżuri billi l-każijiet tal-coronavirus ma naqsux.

Illum tħabbru 80 każ ġdid tal-coronavirus, filwaqt li fiequ 63 persuna. Tħabbret ukoll it-53 mewta f’Malta bil-Covid-19.

“Il-miżuri se jgħinu biex nagħtu sehemna biex nipproteġu l-vulnerabbli” – Chris Fearne u Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fuq Twitter qalu li dawn il-miżuri se jgħinu biex ilkoll nipproteġu l-vulnerabbli.

Qalu wkoll li l-miżuri ġew implimentati wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa, u li se jkomplu jsaħħu d-distanza soċjali.