Miżuri ġodda għal waqt il-quddies u l-funerali

quddiesa
Knisja.mt/Ritratti

Read in English.

Il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret miżuri addizzjonali biex tgħin twaqqaf il-firxa tal-Covid-19. Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ mil-lum, is-16 ta’ Novembru.

Fid-dħul tal-Knejjes se tibqa’ tiġi meħuda t-temperatura, inkluż ta’ min ikun se jagħti servizz, u jibqa’ jiġi applikat sanitizer tal-idejn. It-temperatura tittieħed permezz ta’ termometri li ma jeħtiġux kuntatt mal-persuna. 

Funerali jistgħu jibqgħu jsiru, anki għall-vittmi tal-Covid-19. Għal dawn il-każijiet, biex il-funeral isir b’aktar dinjità, it-tebut jista’ jitgħatta b’faldrappa pulita u addattata. L-Arċidjoċesi ħadet ħsieb tipprovdi waħda biex tkun tista’ tiġi mislufa.

Biex jiġi evitat li persuni liebsa l-PPE jdaħħlu t-tebut fil-knisja, dan jista’ jitpoġġa minnhom fuq trolley li mbagħad jiddaħħal fil-knisja minn persuni pajżana, bħal ħbieb tal-persuna. Meta ma jinstabux persuni biex idaħħlu t-tebut, dan jiddaħħal fuq it-trolley mir-reffiegħa.

Matul kull ċelebrazzjoni tal-quddies, is-saċerdot għandu jkun liebes maskra l-ħin kollu, kemm fil-knisja kif ukoll fis-sagristija. Min jirċievi l-Ewkaristija huwa mitlub li ma jgħidx Ammen. Waqt il-qrar, is-saċerdot u l-persuna li qed tqerr iridu jkunu lebsin maskra.

Miżuri oħra:

  • Hu suġġerit li operaturi pastorali li huma vulnerabbli ma jagħtux servizz
  • Wara li l-persuna tagħti l-offerta tagħha, tajjeb li tapplika sanitizer li jkollha magħha
  • Hu preferut li l-quddiesa tkun animata b’mużika strumentali
  • Tajjeb li l-lettur jkollu sors tal-qari għalih

Minbarra dawn, wara li ġie stabbilit li l-maskra tagħti protezzjoni aktar mill-visor, l-użu ta’ maskra hu preferut. Il-maskra jew visor għandhom jagħttu l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum.