Miżuri ġodda f’San Vinċenz De Paul u residenzi oħra għall-anzjani

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità, ħabbru li fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul qegħdin jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata s-sigurtà u s-saħħa tar-residenti. Fil-fatt, ilbieraħ stess diġà bdiet sistema ta’ triage.

Fl-istqarrija intqal li r-residenti ta’ San Vinċenz De Paul jaqgħu taħt il-kategorija ta’ anzjani b’dipendenza għolja u għalhekk, skont il-pariri tal-professjonisti tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, f’San Vinċenz irid jitnaqqas ir-riskju billi jiġi kkontrollat kemm jista’ jkun il-kuntatt tal-viżitaturi mar-residenti. Barra minn hekk, se jkun qed isir proċess ta’ monitoraġġ għal kull persuna li tidħol, inkluż il-ħaddiema, permezz ta’ termometru elettroniku u anki permezz ta’ kwestjonarju.

Sadanittant l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, flimkien mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, se jkunu qed jassiguraw li fid-djar kollha residenzjali għal persuni anzjani jkun hemm il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, bil-għan li jiġi assigurat il-benessere mediku, fiżiku u soċjali ta’ kull resident.

Dan se jkun assigurat billi l-ħinijiet tad-dħul tal-viżitaturi se jkunu bejn il-11am u n-12:30pm u bejn l-4:00pm u s-6:00pm, u se jingħata biss aċċess għal persuna waħda fejn kull resident. Barra minn hekk, kull persuna, inkluż il-ħaddiema li se jkunu qed jidħlu f’dawn id-djar, se jsirilhom il-monitoraġġ meħtieġ. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tagħmel dak kollu meħtieġ sabiex jiġi assigurat li dawn l-miżuri meħtieġa jkunu qed jiġu implimentati.

Sadanittant, tħabbru ukoll miżuri ġodda f’Mater Dei min-nhar l-Erbgħa.

Huwa ferm importanti li kull min iħossu ma jiflaħx jew għadu kif vjaġġa fil-pajjiżi indikati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, dan m’għandux iżur il-qraba li jinsabu f’dawn ir-residenzi u postijiet oħra fejn hemm nies f’riskju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn