Miżuri ġodda fl-Italja fid-dawl taż-żieda ta’ każijiet

CC BY-NC-SA 3.0 IT

Read in English.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ta l-poter lis-sindki li jagħlqu pjazez pubbliċi mid-9pm. Dan bħala sforz biex jitwaqqfu ġemgħat ta’ nies milli jinġabru fihom. Hu ddikjara numru ta’ miżuri oħra nhar il-Ħadd, f’tentattiv biex titwaqqaf iż-żieda qawwija fl-għadd ta’ każijiet ta’ COVID-19.

Hekk kif nhar il-Ħadd l-għadd ta’ każijiet ġodda f’ġurnata laħqu rekord ġdid ta’ 11,705, Conte qal li s-sitwazzjoni saret kritika imma li l-gvern tiegħu kien determinat li jevita repetizzjoni tal-lockdown li kien impost matul il-kriżi f’Marzu li għadda.

“Is-sitwazzjoni hija kritika. Il-gvern huwa lest, imma kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu,” qal matul konferenza tal-aħbarijiet.

Il-ħwienet tal-logħob ġew ordnati li jagħlqu mid-9pm, twaqqfu l-kompetizzjonijiet tal-isport dilettantesk u mhux se jinżammu fieri lokali. Barra minn dan kompla jgħid li l-gvern kien qed jikkunsidra li jagħlaq il-gyms u l-pixxini wara aktar kontrolli fuq il-protokolli tas-sikurezza li se jsiru din il-ġimgħa.

L-Italja kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ntlaqtet ħażin mill-COVID-19 u għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet fir-reġjun wara l-Ingilterra, b’36,543 persuna li tilfu ħajjithom minn meta faqqgħet il-pandemija fi Frar, skont ċifri uffiċjali.

L-awtoritajiet kien irnexxielhom inaqqsu r-rata ta’ infezzjoni sas-sajf bis-saħħa ta’ lockdown riġidu madwar il-pajjiż, imma issa li qed jiffaċċjaw it-tieni mewġa, huma ordnaw miżuri ġodda, inkluż l-ilbies mandatorju ta’ maskli f’postijiet pubbliċi, u restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ nies li jistgħu jiltaqgħu f’ġemgħa u f’ristoranti.

L-imwiet marbuta mal-COVID-19 nhar il-Ħadd telgħu għal 69, żieda minn 47 persuna l-ġurnata ta’ qabel, skont dikjarazzjoni tal-Ministeru – ħafna anqas mill-quċċata tal-pandemija fl-Italja f’Marzu u April meta l-għadd ta’ mwiet ta’ kuljum kien laħaq aktar minn 900.

Il-gvern kien qed jieħu miżuri biex iżid il-ħidma b’mod remot fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, u qed jitlob lill-iskejjel post sekondarji biex jadottaw sistema ta’ lezzjonijiet li jibdew f’ħinijiet differenti biex jitnaqqas l-ammont ta’ nies li jużaw it-trasport pubbliku fl-istess ħin.

Ristoranti u ħwienet oħra tal-ikel se jitħallew jibqgħu miftuħin sa nofsillejl, imma jistgħu jservu biss lill-klijenti li huma bilqegħda ma’ mejda sas-6pm.

Diġà ġew imposti miżuri aktar stretti fuq xi reġjuni li diġà ntlaqtu ħażin, inkluż il-Campania madwar Napli, fejn -iskejjel ingħalqu għal ġimgħatejn.

Bħala parti mill-pakkett ta’ stimulu ġdid li l-gvern approva fil-baġit tal-2021, Ruma se twaqqaf fond ta’ €4 biljun biex tikkumpensa lill-kumpaniji li ntlaqtu l-agħar mir-restrizzjonijiet tal-coronavirus.