Miżuri għall-ġurnalisti u l-midja b’rabta mal-coronavirus – IĠM

Read in English.

L-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ippubblika lista ta’ miżuri li qed jitlob lill-ġurnalisti u ħaddiema oħrajn fil-midja sabiex isegwu. Dan biex jipproteġu lilhom innifishom u lil ta’ madwarhom waqt li jkunu fuq ix-xogħol.

L-IĠM qalet li l-Covid-19 f’Malta reġgħet għolliet rasha, u fi żmien ta’ pandemija, l-irwol tal-ġurnalisti, l-fotografi u camerapersons huwa kruċjali biex ikunu ta’ servizz għall-pubbliku billi qed iwasslu informazzjoni utli biex il-pubbliku jaġixxi b’deċiżjonijiet infurmati.

L-IĠM appella lill-ġurnalisti biex f’ħidmiethom isegwu l-miżuri biex iħarsu saħħithom u saħħet ħaddiehor. “Ta’ spiss qed jaslulna ilmenti li ġurnalisti qed jispiċċaw ikollhom jinġabru fi gruppi b’ħafna nies imissu ma xulxin biex jieħdu kummenti ta’ politiċi u individwi oħra. Dan mhux aċċettabli fi żminijiet straordinarji li qed ngħixu fihom. Ir-responsabiltà għandha tinġarr minn kulħadd, inkluż mill-ġurnalisti infushom,” insista l-IĠM.

Għaldaqstant l-IĠM appella lill-ġurnalisti biex:

  • Iżommu distanza ta’ żewġ metri minn persuna għall-oħra (inkluż il-camerapersons u fotografi) kif appellat mill-awtoritajiet tas-saħħa.
  • Jilbsu l-maskra jew visor f’kull ħin.
  • Ma jaċċettawx li joqogħdu fi gruppi fejn ma tinżammx id-distanza soċjali;
  • Jużaw mic-extensions jew neck-mics biex iżommu d-distanza minn mal-persuna li jkunu qed jintervistaw.
  • Fejn hu possibbli, jagħmlu użu mit-teknoloġija u jevitaw il-kuntatt.
  • Ineħħu l-windshield tal-microphone li jista’ jiġbor fih ħafna mikrobi,
  • Inaddfu l-apparat (inkluż microphone, kameras u anke il-mobiles) b’mod regolari b’antiseptic wipes
  • Iżommu antiseptic hand rub jew wipes fil-karozzi u jnaddfu idejhom wara kull servizz
  • Iħallu siġġu jew tnejn vojta bejn persuni oħra waqt konferenza tal-aħbarijiet jew servizzi oħra
  • Jevitaw l-użu ta’ lifts u fejn mhux possibli ma jitilgħux f’lifts ma’ persuni li ma jaħdmux fl-istess kumpanija tagħhom.

Kien spjegat li l-ġurnalisti jinsabu hemm biex iservu lill-pubbliku. F’każ li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, il-ġurnalisti jibqgħu għodda kruċjali biex titwassal l-aħħar informazzjoni u l-aktar waħda fattwali lill-pubbliku.

L-IĠM kompla b’appell lill-awtoritajiet biex jikkoperaw mal-ġurnalisti waqt li jsegwu dawn il-miżuri. “Xogħol il-ġurnalisti hu essenzjali mhux biss biex jitrażmettu l-informazzjoni tal-awtoritajiet imma anke biex ikun il-vuċi tal-pubbliku. Għalhekk nappellaw ukoll biex anke jekk jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, il-ġurnalisti jibqa’ jkollhom l-opportunità li waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet, jitħallew jagħmlu il-mistoqsijiet tagħhom,” irrimarka l-IĠM.