Miżuri favur l-Ambjent mill-Bank of Valletta

Read in English.

Matul dawn l-aħħar snin, il-Bank of Valletta nieda diversi inizjattivi bil-għan li jnaqqas l-impatt fuq l-ambjent permezz tal-attivitajiet tan-negozju tiegħu. Dawn l-inizjattivi kienu ffukati prinċipalment fuq l-enerġija u l-użu tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u l-emissjonijiet.

Matul is-sena li għaddiet, il-Bank żied l-isforzi tiegħu fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli, bħala parti mill-impenn tiegħu biex jissalvagwardja l-ambjent. Is-sistema tal-Air Conditioning ġewwa l-Head Office f’Santa Venera nbidlet għal waħda magħrufa bħala ‘free cooling’ fejn ħafna mill-enerġija użata tiġi ġġenerata mill-arja ta’ barra. Fi ftit xhur, il-konsum tal-enerġija tal-din il-binja naqas b’madwar 162,000 k/watt meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Il-Bank kompla jinstalla aktar pannelli fotovoltaiċi biex issa għandu 517 pannella fuq 22 binja. Matul ix-xhur tas-sajf huwa kkalkulat li minn fergħa waħda biss, il-Bank jiffranka mas-6,000 k/watt bħala riżultat tal-enerġija ġġenerata minn dawn il-pannelli. Tul perjodu ta’ tnax-il xahar, il-Bank of Valletta ġġenera total ta’ 129,394 unit ta’ enerġija nadifa u naqqas b’madwar 50 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

Il-maġġoranza tal-uffiċċji tal-Bank huma mgħammra b’sistemi ta’ dawl effiċjenti fl-enerġija li jeliminaw il-ħela tal-elettriku permezz ta’ sensors li awtomatikament jitfu d-dawl meta l-uffiċċju jkun vojt. L-ilma tax-xita jinġabar f’ġibjun, mibni apposta għal dan il-għan fil-Head Office tal-Bank, liema ilma jigi riċiklat. Bħala parti mill-impenn tal-Bank biex ikompli jnaqqas l-emissjonijiet, il-Bank qiegħed jibdel il-flotta tal-karozzi tiegħu għal waħda ibrida li toħloq ħafn’inqas tniġġis.

“Fil-Bank of Valletta aħna konxji ħafna mir-responsabbiltà tagħna lejn l-ambjent u dan jidher ċar fl-inizjattivi tagħna. Nagħmlu l-almu tagħna biex innaqqsu l-impatt fuq l-ambjent u l-Carbon Footprint tagħna,’ qal Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-BOV. “Impenjati anke kif insegwu kull fażi tal-akkwisti tagħna, pereżempju ma jsirx xiri ta’ materjal bla bżonn u nidentifikaw l-aktar prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fuq medda ta’ żmien fit-tul. Sodisfatti ħafna li matul din l-aħħar sena rnexxielna nnaqqsu, nużaw mill-ġdid u nirriċiklaw ħafn’ affarijiet, madankollu mhux se nieqfu hawn u nkomplu fil-mixja tagħna lejn bank iktar ekoloġiku.”

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).