L-ammont ta’ vittmi tal-Coronavirus fl-Italja jitla’ għal sebgħa

Aġġornat 01:57 PM

Read in English.

L-ammont ta’ vittmi tal-Coronavirus fl-Italja issa telgħa għal sebgħa.

Dan wassal għal iktar allarm fil-peniżola Taljan tant li qed jintensifikaw il-miżuri ta’ prevenzjoni biex jippruvaw isibu tarf il-virus tal-Coronavirus.

Dalgħodu tħabbar li raġel ta’ 84 sena miet kawża ta’ dan il-virus. Il-persuna kien rikoverat fl-isptar Giovanni XXIII ta’ Bergamo. Apparti minn hekk matul il-jum tħabbar li mietu tlieta oħra.

L-aħħar persuna li mietet kien anzjan ta’ 80 sena li kien qed jiġi rikoverat fi sptar f’Lodi u hu mifhum li ħa l-virus mill-isptar stess.

Corriere Della Sera qed tirraporta li b’kollox issa hemm 200 każ ikkonfermat u li qed twassal għall-għadd ta’ miżuri drastiċi.

Il-kriżi waslet biex il-Ħadd tħassar il-karnival ta’ Venezja hekk kif l-ogħla ammont ta’ infezzjonijiet jinsabu fit-Tramuntana tal-Italja filwaqt li xi bliet fejn kien hemm ammont kbir ta’ każijiet tpoġġew taħt kwarantina. 

Madwar 50,000 persuna ma’ jistgħux joħorġu minn djarhom fir-reġjuni tal-Lombardija u l-Veneto minħabba din l-ordni. L-iskejjel ukoll qed jinżammu magħluqin għalissa sakemm ikun hemm aktar kontroll fuq is-sitwazzjoni.

Il-Prim Ministru Giuseppe Conte, fi tmiem il-ġimgħa, waqt li ħabbar id-diversi miżuri ta’ prevenzjoni, ammetta li kien sorpriż kif fl-Italja splodew il-każijiet biex issa l-pajjiż sar dak bl-akbar ammont ta’ każijiet fl-Unjoni Ewropea.

Għal xi ħin ilbieraħ, anke l-Awstrija waqqfet ferrovija tal-passiġġieri li kienet telqet mill-Italja, milli tidħol fil-pajjiż. Wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji din tħalliet taqsam il-fruntiera.