Miżuri biex tonqos il-burokrazija għall-azjendi żgħar

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar l-implimentazzjoni ta’ żewġ miżuri mħabbra fil-baġit għall-2016, li huma maħsuba biex l-azjendi jaffaċċjaw inqas burokrazija fil-performance bonds, biex ikollhom aċċess aktar faċli għal kuntratti pubbliċi.
Bl-ewwel miżura, li se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru, il-garanzija fuq it-twettiq tal-kuntratt, li tintalab li tiġi ddepożitata minn min jirbaħ kuntratt tal-Gvern se titnaqqas minn 10% għal 4% meta l-valur tal-kuntratt ma jkunx jaqbeż il-€500,000.  
Permezz tat-tieni miżura, se jiddaħħal il-kunċett tal-garanzija li tkopri aktar minn kuntratt wieħed, biex meta azjenda jkollha aktar minn kuntratt wieħed għaddej mal-istess Dipartiment Pubbliku jew entità pubblika, tkun tista’ tpoġġi garanzija waħda minflok ikollha tiftaħ garanzija għal kull kuntratt.
Din il-miżura se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li ġej. 
Il-medja taż-żmien biex jingħataw il-kuntratti pubbliċi tnaqqset minn 250 jum għal 115-il jum.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut