Miżuri biex tiġi limitata l-ġemgħa ta’ nies fl-Outpatients

Read in English.

Fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei se jiġu introdotti għadd ta’ miżuri mill-25 ta’ Settembru.

Email mibgħut lit-tobba f’Mater Dei, li ra Newsbook.com.mt, jgħid li l-miżuri se jidħlu fis-seħħ billi f’dan id-dipartiment, in-nies mhumiex qed iżommu d-distanza bejn xulxin, u minħabba li l-każijiet tal-coronavirus fil-komunità huma allarmanti.

Min-numru rekord ta’ 78 każ ġdid li kien hemm ilbieraħ, 28 każ minnhom ittieħdu mill-komunità.

Dettalji fuq il-każijiet tal-bieraħ
53 każ ġdid ta’ coronavirus; ifiqu 18

Nhar is-Sibt li għadda, it-tobba ġew infurmati li se jkun hemm limitu fuq kemm jista’ jkun hemm nies fl-Outpatients bejn is-7am u l-10.30am, l-aktar ħin li fih jinġabru nies. Il-limitu se jippermetti biss lil dawk il-pazjenti li jkollhom appuntament fi 30 minuta jew inqas minn xħin jaslu.

Dawk li jmorru fl-Outpatients mingħajr appuntament se jitħallew jidħlu biss wara l-10.30am.

Ritratti li xxerrdu fuq il-midja soċjali juru li mhux kulħadd qed isegwi l-miżuri ta’ distanza soċjali fid-Dipartiment tal-Outpatients. In-nies bdew jappellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni.

L-email li ntbagħat mid-Direttur Mediku fl-Isptar Mater Dei qal li l-miżuri se jidħlu fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru u li d-data ġiet deċiża minn kmieni sabiex it-tobba jkunu jistgħu jaddattaw għall-proċediment il-ġdid.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet dwar dan lill-Ministeru tas-Saħħa, iżda s’issa għadu ma rċeviex tweġiba.