Miżuri biex jgħinu n-negozji u l-impjiegi tal-Maltin fil-Libja

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD, ġew diskussi l-aħħar żviluppi dwar l-għajnuna li Malta qed tagħti fil-kriżi tal-Libja.
Is-Segretarju Permamenti Ewlieni u Kap taċ-Ċentru ta’ Kontinġenza tal-Gvern Mario Cutajar semma’ li sa issa inġiebu lejn Malta 48 pazjent mil-Libja.  7 minnhom diġà fiequ filwaqt li pazjent ieħor tilef ħajtu.  Fl-istess ħin, il-Gvern Malti pprovda għajnuna lil 163 Malti u lid-dipendenti tagħhom biex jirritornaw Malta.
Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona qal li ħafna negozji qed jaħsbu li s-sitwazzjoni fil-Libja se tħalli effett negattiv fuq l-attività kummerċjali tagħhom u allura possibilment ikun hemm ukoll effett fuq l-impjiegi. 
Sostna li b’hekk se jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġu mgħejjuna l-intraprizi u jkunu mħarsa l-impjiegi u n-negozji. 
Minħabba li waħda mill-akbar problemi għal dawn in-negozji hija l-cash flow, jidher li bħalma kien ġara fl-2011, il-Gvern se jgħin fir-rifużjoni tal-VAT u ħlasijiet oħrajn pendenti mill-Gvern.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech