€1,250 multa għal kull min iħalli tfal taħt l-età jidħlu fi klabbs f’Paceville

Il-Gvern ħabbar miżuri aktar ħorox biex inaqqsu l-abbuż f’Paceville.
L-akbar bidla hija dik fil-penali għal dawk li jħallu tfal jidħlu fi stabilimenti tad-divertiment, bil-multa titla' sa massimu ta’ €1,250 għal kull persuna. Sal-lum il-multa hi ta’ €230.
Fl-avviż legali ppubblikat illum, il-multi li se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Dawn il-miżuri ġodda ddaħħlu wara li x-xahar li għadda tfal taħt l-età weġġgħu f’inċident f’Paceville.
Barra miż-żieda tal-multi, is-sidien jistgħu anke tittiħdilhom il-liċenzja għal sebat ijiem konsekuttivi.
Żgħażagħ u adoloxxenti taħt is-17-il sena jistgħu jiddaħħlu fl-istabilimenti biss meta s-sidien ikunu applikaw għal permess speċjali fuq kundizzjoni li ma jbigħux alkoħol.
Għal dan l-aħħar xahar il-Ministru għall-Affarijiet Interni kien għaddej b’laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar din il-leġiżlazzjoni l-ġdida.
Aktar pulizija bdew jiġu assenjati f’Paceville u tim mediku stazzjonat ukoll f’Paceville.