Miżura li ħadmet tista’ terġa’ tiġi kkunsidrata – Schembri

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li miżura li ħadmet tista’ terġa’ tiġi kkunsidrata. Huwa kien qiegħed jitkellem fid-dawl tal-vawċers li ngħataw lill-persuni ‘l fuq minn 16-il sena biex jintefqu f’restoranti u f’akkomodazzjoni.

Il-Ministru qal li bħala Gvern se jibqa’ jisma’ u jekk jara li miżura ħalliet l-impatt previst jista’ jkun li terġa’ tiġi kkunsidrata. Huwa kompla li dan irid isir f’pakkett sħiħ u dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu kkunsidrati waħedhom. L-iskema tal-vawċers kienet parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li sar biex jindirizza l-isfidi marbutin mal-pandemija tal-coronavirus. Il-Ministru spjega li l-baġit f’Ottubru għandu għanijiet aktar wiesa u l-miżuri li jkunu parti mill-baġit iridu jilħqu iktar għanijiet.

Waqt konferenza stampa fil-binja tat-TOLY Products, il-Ministru qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jagħmel konferenza stampa li fiha se jagħti aġġornament ta’ din l-iskema.

Żied li fadal xahar għall-iskadenza ta’ dawn il-vawċers u d-deċiżjoni jekk hux se tiġi estiża jew le l-ġurnata tiddependi minn dak li jkun fadal.