Miżura ġdida għal dawk li jagħtu d-demm

Miżura ta’ kontroll ġdida għal dawk li jagħtu d-demm daħlet fis-seħħ bil-għan li tnaqqas it-tixrid tal-COVID-19. 

Fi stqarrija, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ħabbar li dawk li jkunu ġew lura Malta mis-safar iridu jistennew 14-il jum mill-wasla tagħhom qabel jagħtu d-demm.

Is-Servizz enfasizza li din il-miżura hija meħtieġa bħala mezz ta’ prekawzjoni u prevenzjoni issa li l-portijiet u l-ajruport tal-Gżejjer Maltin huma miftuħa mill-ġdid. Is-Servizz fakkar li dan il-perjodu ta’ diferiment japplika biss għal COVID-19, għaliex persuna tista’ tintalab tħalli aktar żmien jgħaddi, jekk tkun irritornat minn ċerti pajjiżi u żoni barra mill-Ewropa li jġorru riskju għoli ta’ mard.

Intant, dawk li huma f’saħħithom u li jistgħu jagħtu d-demm huma mitluba jmorru f’wieħed minn dawn il-postijiet: 

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li hu miftuħ kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8.00am sas-6.00pm.
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju se jkun fi Pjazza Medjatriċi, fil-ġenb tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żabbar. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ikun mit-8.30am sas-1.00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 12 ta’ Lujlu se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8.00am sas-1.00pm.

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.